Tender CM/001/26 Public Opening
March 25, 2026
Stqarrija minn Caritas Malta – b’reazzjoni dwar il-Ftehim Aruc u MFA
March 31, 2026Julian Galea, żagħżugħ li sa 3 snin ilu ma kienx jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu, u jżomm lura fejn jidħlu abbilitajiet sportivi, fit-22 ta’ Ottubru fl-2023 ipparteċipa l-ewwel darba fl-Ewwel edizzjoni ta’ Caritas Run For Life bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġirja ta’ 5km.
Waqt konferenza stampa li saret fil-Caritas Community Centre, tħabbru dettalji ta’ sfida ta’ 100Km li se jagħmel Julian Galea b’risq Caritas Malta.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt faħħar il-ġest tant sabiħ u ta’ sfida li daħal għaliha Julian Galea fejn permezz ta’ fondi li jinġabru jitkompla jissaħħaħ is-settur ta’ servizzi psiko-soċjali li Caritas twassal għand dawk l-aktar fil-bżonn mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi ta’ gruppi ta’ sapport li jiltaqgħu kuljum fiċ-Ċentru fil-komunità fil-Ħamrun; servizzi għal romol u separati, servizzi ta’ saħħa mentali, użura u wkoll grupp għall-persuni li jkollhom problemi ta’ emozzjonijiet diversi. Flimkien ma’ servizzi ta’ counselling u social work. “Julian flimkien mal-club Underdogs, l-OCR team li qed jitħarreġ miegħu, illum saru partners ma’ Caritas Malta fejn minbarra l-fondi li se jinġabru, inkomplu nħeġġu aktar persuni għal attivitajiet fiżiċi u din il-ġirja ta’ Julian jaf tkun ta’ opportunità anki biex wieħed jibda f’dit-tip ta’ attività. Caritas Malta tapprezza ħafna dawn ix-xorta ta’ inizjattivi għax huma ta’ ispirazzjoni għall-volontarjat u wkoll għax attivitajiet sportivi jżommu ’l bogħod minn sustanzi u jressqu lejn in-natural high. Julian Galea beda mix-xejn u bħal-lum xahar se jkun qed jagħmel 100KM.” Temm jgħid Anthony Gatt filwaqt li introduċa lil Julian.
Julian Galea spjega kif madwar sentejn u nofs ilu mar l-ewwel darba mat-team tal-OCR Underdogs u beda bi ftit gym: “Fil-bidu kont se naqta’ qalbi sakemm bis-saħħa tal-Kowċ tiegħi Charles Calleja bdejt nemmen fija nnifsi u anki pparteċipajt fl-ewwel edizzjoni ta’ Caritas Run For Life l-ewwel edizzjoni li saret fl-2023. L-idea bdiet li ridt nagħmel xi ħaġa għal dawk l-aktar fil-bżonn u għażilt lil Caritas għax tagħmel ġid kbir fis-soċjetà.”
Charles Calleja kowċ tal-OCR team ta dettalji loġistiċi u spjega li Julian se jkun qed jagħmel 20 dawra ta’ 5km f’Ta’ Qali fejn se jkun qed jagħmel pass ta’ madwar 7mins 30sec f’kull kilometru biex b’hekk kull tliet kwarti jkun qed jgħaddi minn quddiem l-istarting point u jistgħu jingħaqdu miegħu persuni li jagħżlu slots f’ħinijiet differenti. Julian jibda fis-2 ta’ filgħodu tas-26 ta’ April u l-100km jitlestew għall-ħabta ta’ 0330pm/04pm. “Kienet ta’ sfida kbira għal Julian li minn 5km jasal biex illum jagħmel din il-ġirja ta’ 100km, imma b’ħafna taħriġ u konsistenza kbira Julian se jasal biex iwettaq il-ħolma tiegħu. Għalhekk it-tema Courage to go the Distance.” Wieħed jista’ japplika għal slot permezz tal-media soċjali tal-Underdogs OCR.
Donazzjonijiet jistgħu jingħataw permezz ta’ revolut u BOV Pay fuq in-numru 99014928 jew transfer fil-kont ta’ BOV:
MT33VALL22013000000050023814032 b’referenza 100km run


