252km bir-rota minn Messina sa Pozzallo b’risq Caritas Malta minn Martin Azzopardi
May 26, 2025As mass starvation spreads across Gaza, our colleagues and those we serve are wasting away
July 23, 2025Caritas Malta tirrikonoxxi kemm id-diskussjoni dwar is-suwiċidju assistit u l-ewtanasja hi delikata. Kull suġġett li jinvolvi l-uġigħ enormi li tkun għaddejja minnu persuna, jeħtieġ sensittività kbira lejn dik il-persuna u empatija lejn dawk li, fl-uġigħ tagħhom jistgħu jikkontemplaw tmiem ħajjithom. Caritas tappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ ta’ sistema ta’ kura palljattiva li toffri serħan mill-uġigħ ta’ dawn il-persuni f’ambjent ta’ appoġġ, minflok ma nipprovdu leġiżlazzjoni li tippermetti suwiċidju assistit u/jew ewtanasja.
Nirreferu għal esperjenzi minn pajjiżi oħra fejn salvagwardji inizjali li tpoġġew bi ħsieb li jikkontjenu suwiċidju assistit u ewtanasja ġew abbandunati. Pereżempju, fil-Belġju l-ewtanasja saret disponibbli għal individwi taħt l-età u dawk li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali. Caritas Malta xhieda kostanti ta’ kif persuni li qed jissieltu bi problemi ta’ saħħa mentali, u persuni li setgħu kkontemplaw is-suwiċidju, bl-għajnuna u l-appoġġ xierqa, jirnexxilhom jirkupraw u jgħixu ħajja fil-milja tagħha. Kull leġiżlazzjoni li eventwalment tista’ tiftaħ il-bieb għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali biex jieħdu l-għażla ta’ suwiċidju assistit hija ta’ tħassib serju u tmur kontra l-prinċipju tad-dinjità umana.
Organizzazzjonijiet oħra ta’ Caritas madwar id-dinja jirrappurtaw li s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja jispiċċaw isiru għażla offruta b’mod attiv minn professjonisti tas-saħħa lil dawk li jkunu waslu lejn tmiem ħajjithom. F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni li tibda fuq il-premessa tal-ħniena tispiċċa f’leġiżlazzjoni li tippromwovi u tagħmel pressjoni fuq it-tmiem tal-ħajja ta’ persuna, u b’hekk tnaqqas id-dinjità umana kollha.
Organizzazzjonijiet ta’ Caritas f’pajjiżi fejn is-suwiċidju assistit u l-ewtanasja huma disponibbli, jirrappurtaw ukoll li tali leġiżlazzjoni hija diskriminatorja lejn persuni fil-faqar u stat soċjo ekonomiku baxx. Dawn jistgħu jħossuhom taħt pressjoni akbar li jtemmu ħajjithom biex jevitaw li jkunu ta’ piż għal dawk ta’ madwarhom. Bħala organizzazzjoni li titkellem favur l-eredikazzjoni tal-faqar, dan huwa fattur ieħor li joħloq tħassib serju.
Leġiżlazzjoni li tista’ tinsinwa u tiftaħ il-bieb biex xi ħadd iħossu bħala piż żejjed, m’għandhiex tiġi kkunsidrata. Aħna nemmnu bis-sħiħ li kura palljattiva b’saħħitha, li toffri kura totali u kontroll totali tal-uġigħ (fiżiku, psikoloġiku, soċjali u spiritwali) minn tim multidixxiplinarju hija l-aktar għażla dinjituża biex tappoġġja bis-sħiħ lin-nies lejn tmiem ħajjithom.
Il-bniedem jixraqlu jmut f’idejn ħaddieħor, u mhux minn idejn ħaddieħor.

