“Inħossni ferm tajjeb li qed nagħti lura lis-soċjetà”
Residenti f’dar Charles Miceli bdew inizjattiva qabel bdiet il-pandemija tal-Covid-19, li ta’ kull nhar ta’ Erbgħa jmorru f’bajja partikolari jew fil-kampanja u jiġbru skart li jtella’ l-baħar, jew li jħallu warajhom dawk li jkunu marru jgawdu mill-ġmiel tal-bajjiet tagħna u l-kampanja. Din l-inizjattiva kellha tieqaf għal ftit xhur minħabba restrizzjonijiet ta’ saħħa minnħabba l-pandemija, imma dawn l-aħħar ġimgħat, dawn ir-residenti reġgħu bdew iduru diversi postijiet fosthom il-Ġnejna, Tas-Sliema l-Front u l-Exiles u se jkomplu b’diversi oħra bħal Għajn Tuffieħa, l-Għadira, Mellieħa lejn it-Torri l-Aħmar u Marsaxlokk. Din l-attività kienet issuġġerieta Santina Camilleri li tieħu ħsieb it-tmexxija tad-dar u li għandha ħafna għal qalbha l-kunċett ta’ ‘giving back’ għal persuni li qed jirriabilitaw ruħhom.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt kkongratula lir-residenti ta’ Dar Charles Miceli għal din il-ħidma ferm sabiħa fejn dawn iż-żgħażagħ qed jagħtu lura lis-soċjetà permezz ta’ ġbir tal-iskart mill-bajjiet.
Ir-residenti espremew is-sodisfazzjon li qed iwettqu dil-biċċa xogħol u jħarsu lejha bħala opportunità biex jagħtu lura lis-soċjetà li għalihom din tfisser immens. Fost kummenti li qalu espremew kemm qed jagħmluha minn qalbhom, u kburin li qed jagħmluha f’isem Caritas. Qalu kemm irrealizzaw li ħafna drabi ma jiġix apprezzat dak li għandna madwarna u ħafna persuni ma jirrispettawx lill-ambjent u lil min ġej wara. Kieku kulħadd jirrealizzah dan ikollna ħafna iktar bajjiet indaf. Ikkumentaw ukoll dwar il-qabża li saret mill-plastik għall-affarijiet li huma riċiklabbli bħal straws u cutlery magħmula mill-bamboo għax sabu iktar minn dan ix-xorta ta’ materjal. Stqarru li sabu ċertu skart moħbi f’xi postijiet bejn is-siġar, jista’ jagħti l-każ li wieħed kien skomdu jarmi fejn jidher. Finalment ħassewhom kuntenti li qed jagħmlu attività pożittiva li qed timpatta lill-ambjent u lis-soċjetà.
Fost affarijiet li ġabru kien hemm jablo, ħbula tas-sajd, cutlery, fliexken tal-ilma, tissues, tazzi u ħafna loqom tas-sigaretti.
Dar Charles Miceli hija l-fażi fejn persuna tgħaddi mill-programm residenzjali terapwetiku f’San Blas, il-programm tan-nisa, il-Prison Inmates Programme u l-Evening Programme għal fażi ta’ Aftercare fejn persuna tkun kompletament integrata lura fis-soċjetà.