Reazzjoni ta’ Caritas Malta għall-Baġit 2024

Il-Baġit għas-sena 2025 jintroduċi diversi inizjattivi pożittivi biex isaħħaħ il-benesseri soċjali u l-inklużjoni. Caritas Malta tilqa’ bis-sħiħ it-titjib fis-sistemi ta’ appoġġ soċjali, sentejn krediti ta’ sigurtà soċjali għal dawk li jtemmu programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga, allowances aħjar għall-familji, żidiet għall-ħaddiema u r-reviżjonijiet li saru fit-taxxa, żieda partikolari fl-allowance għat-tfal u għall-pensjonanti, kif ukoll l-appoġġ għall-familji li jagħżlu jaddottaw jew jiffosterjaw, iktar appoġġ kif mistħoqq lil dawk fuq pensjonijiet ta’ diżabbilità, bil-għan li jtaffu l-pressjonijiet, kif ukoll li tkompliet il-COLA addizzjonali għall-familji bi dħul baxx. Dawn il-miżuri kollha jolqtu b’mod dirett lil dawk l-iktar vulnerabbli biex iwieżnu d-diffikultajiet tagħhom. Hija inizjattiva tajba wkoll li jingħataw vawċers għal xiri ta’ kotba lit-tfal kollha, u għajnuna addizzjonali għal tfal ġejjin minn familji bi dħul baxx. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ aċċess b’xejn għall-gym għal dawk bejn it-18 u l-20 sena tħeġġeġ saħħa fiżika u tagħti alternattiva kostruttiva għaż-żgħażagħ f’età kruċjali ta’ għażliet. Din inizjattiva li tħeġġeġ ukoll natural high fl-isfond ta’ kultura tad-droga li qed tinfirex u n-normalizzazzjoni ta’ sustanzi bħal kokaina u l-kannabis.

Inizjattivi addizzjonali, bħal żieda f’allokazzjoni finanzjarja biex itejjeb il-kura fil-qasam tas-saħħa mentali, kreditu tat-taxxa ta’ €500 għall-intrapriżi li jagħtu donazzjonijiet lil NGOs f’oqsma soċjali, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent, flimkien ma’ skemi fuq il-food waste, juru viżjoni għat-tisħiħ tal-komunità.

 

Madankollu, fid-dawl tal-istudju ta’ Caritas Malta – A Minimum Essential Budget for a Decent Living – MEBDL 2024:

 

  • Filwaqt li Caritas tirrikonoxxi li kien hemm żieda fil-paga minima, u anki aġġustament fit-tax bands, jista’ jagħti l-każ li numru ta’ familji li jiddependu fuq il-paga minima, dan id-dħul xorta mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż bażiċi ta’ ħajja diċenti.
  • Il-kriterji ta’ eliġibbilità għas-sussidju tal-kera jeħtieġu reviżjoni. L-ammont massimu ta’ dħul biex tkun eliġibbli għas-sussidju tal-kera huwa ta’ €25,149 f’paga netta. Dan ifisser li familji li jaqbżu dan il-limitu ma jkunux eliġibbli għas-sussidju, għalkemm f’diversi każijiet id-dħul nett tagħhom jibqa’ insuffiċjenti biex ikopri l-bżonnijiet għal ħajja diċenti.
  • Filwaqt li l-kreditu tat-taxxa tas-Sigurtà Soċjali ta’ sentejn għal individwi li temmew programm ta’ riabilitazzjoni huwa pass innovattiv u pożittiv ’il quddiem, nittamaw li jkun hemm opportunitajiet usa’ marbutin ma’ housing temporanju għal persuni li jkunu temmew programm ta’ riabilitazzjoni, servew sentenza ta’ ħabs jew ħerġin minn istituzzjonijiet oħra u m’għandhomx mezzi biżżejjed. Din il-miżura tgħin biex tindirizza l-kwistjoni li għaddejja tal-persuni mingħajr dar u tappoġġja sistema ta’ riintegrazzjoni aktar effettiva.
  • Żieda fil-pensjonijiet hija milqugħa; madankollu, hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-koppji anzjani li jiddependu fuq pensjoni waħda, hekk kif joħroġ ċar mill-MEBDL 2024 li dawn ibatu biex ilaħħqu mal-bżonnijiet bażiċi għall-ħajja diċenti. Fost l-oħrajn jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dawk li jkollhom biżżejjed kontribuzzjonijiet iżda ma jkunux laħqu l-età tal-pensjoni jkunu eliġibbli għall-pensjoni anke jekk jibqgħu jaħdmu. B’hekk nippromwovu l-anzjanità attiva, nagħtu opportunità ta’ dħul aħjar.
  • Filwaqt li nirrikonoxxu li l-intenzjoni tal-Gvern li jerga’ jiftaħ l-iskejjel tal-isnajja’, il-pajjiż jeħtieġ impenn akbar lejn is-snajja’ biex dawn ma jintilfux fil-ġenererazzjonijiet futuri. Żgħażagħ li juru interess u jew talent għandhom ikunu inċentivati aktar biex inkomplu nkabbru aktar is-snajja’ lokali f’pajjiżna.
  • Familji bi dħul baxx jistgħu jsibuha diffiċli li jaffordjaw investimenti ‘green’ minkejja l-inċentivi tat-taxxa, u hemm bżonn ta’ aċċess affordabbli għal enerġija sostennibli.
  • Nittamaw li ż-żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi għal PSPs (Public Social Partnerships) li għandu l-Gvern mal- NGOs kif proġettat tkun tista’ tindirizza l-isfidi li għandhom l-NGOs biex joffru equal pay for equal work.

Il-Baġit jaspira għal ekonomija bbażata fuq il-kwalità u l-ħiliet. Din tirrifletti l-għajta komuni u kurrenti għall-ħarsien tal-ambjent u l-kontroll tal-isfreġju ambjentali bi żvilupp bla rażan u dħaħen; li jigu indirizzati l-pressjonijiet kollha miż-żieda qawwija fil-popolazzjoni inkluż l-isfidi għas-saħħa mentali, u l-protezzjoni ta’ dawk l-iktar vulnerabbli għall-abbuż fosthom immigranti. Jibqa’ l-fatt li mal-miżuri soċjali li fih dan il-baġit li jwieżnu lil dawk iktar vulnerabbli fl-immedjat, hu essenzjali li l-Gvern, awtoritajiet, korpi kostitwiti, is-socjetà ċivili u l-għaqdiet volontarji jaħdmu bis-sħiħ biex jittrażżan kull abbuż li ġej mill-kilba għamja għall-flus li teqred lill-bniedem u l-ambjent li jgħix fih. Kif ukoll bi pjan ħolistiku u b’kordinament effettiv, jigu tassew inċentivati dawk l-inizjattivi; proġetti, kumpaniji, u għaqdiet li jaħdmu bis-sħiħ għal ekonomija tassew soċjali b’rispett għall-ambjent.