Parteċipazzjoni rekord għat-Tielet Edizzjoni ta Caritas Run for Life 2025 ’Il fuq minn 1300 persuna jieħdu sehem

Caritas Run For Life 2025 – It-tielet edizzjoni – ġiet fi tmiemha llum il-Ħadd 2 ta’ Marzu fejn fil-post li tant jilqa’ klijenti li jersqu għas-servizzi ta‘ Caritas Malta San Blas, illum il-bibien infetħu beraħ biex laqa’ baħar ta’ persuni li minn kmieni filgħodu bdew jinġemgħu quddiem dan iċ-Ċentru Terapewtiku ta’ riabilitazzjoni mid-droga biex jipparteċipaw f’attività li issa saret appuntament annwali fil-kalendarju ta‘ Caritas Malta.

Din l-attività rat rekord ta’ iktar minn 1300 parteċipant, maqsuma bejn dawk li għażlu jagħmlu ġirja ta’ 5km jew 10km, oħrajn li mxew 4km jew 5km u t-tfal b’ġirjiet ta’ kilometru u 2.5 kilometri.

Caritas Run For Life tippremja lil ħafna f’etajiet differenti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Ukoll ingħata trofew fl-ewwel, it-tieni u tielet post lill-clubs bl-ogħla parteċipazzjoni fejn l-ewwel post ġie The Club, it-tieni post ġie Obstacle Course Academy u Aloysians Athletics Club. Il-Convenience Shops ħa rikkonoxximent għall-iktar kumpanija li ħeġġet impjegati jattendu għall-Caritas Run For Life 2025.

Madwar 5 t’ijiem qabel id-data ta’ 2 ta’ Marzu, l-organizzaturi kellhom jieħdu d-deċiżjoni li jagħlqu l-bookings peress li l-attività laħqet il-massimu ta’ parteċipanti. Din l-attività kienet possibbli grazzi għal numru kbir ta’ benefatturi fosthom Convenience Shops u b’kollaborazzjoni kbira ta’ Sport Malta u St Patrcik’s Athletic Club flimkien ma’ numru kbir ta’ voluntiera li taw sehemhom. Grazzi tmur ukoll lejn is-St John Ambulance and Rescue Malta għas-servizz mediku kif ukoll LESA u l-Pulizija ta’ Malta biex it-toroq tal-madwar fejn saret il-ġirja setgħu jkunu magħluqa għat-traffiku u lill-Transport Malta li pprovdiet shuttle service lejn San Blas. Grazzi lis-Sindku u l-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ għas-sapport biex tittella’ din l-attività.

L-iskop ta’ Caritas Run for Life huwa:

1. Kampanja għal ħajja attiva u sana ’l bogħod mid-droga biex tħeġġeġ nies jibdew u jkomplu fl-isport
2. Ġbir ta’ fondi għas-servizzi ta’ Caritas Malta li huma kollha bla ħlas għall-iktar vulnerabbli
3. Lenti fuq il-ħidma tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas u l-Komunitajiet Terapewtiċi kollha ta’ Caritas

Caritas Run For Life 2025 rat il-parteċipazzjoni tal-Onorevoli Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela li għamel il-ġirja tal-10km, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-President Emeritus George Abela li għamel il-mixja ta’ 5km.

Il-link tar-riżultati : https://my.raceresult.com/329309/