Caritas Malta nediet proġett ffinanzjat minn Erasmus+, li permezz tiegħu offriet opportunità lil 23 persuna li jaħdmu fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga ta’ Caritas Malta biex iżuru komunitajiet terapewtiċi madwar l-Ewropa. L-għan ta’ dawn iż-żjarat kien li jiġu skambjati għarfien tax-xogħol u prattiċi tajbin, jiġu diskussi l-mudelli terapewtiċi adottati f’dawn il-komunitajiet, tiġi offruta opportunità ta’ networking, u jiżdied l-għarfien dwar it-tendenzi tad-droga f’pajjiżi oħra u kif dawn huma mqabbla mas-sitwazzjoni Maltija.
Il-proġett, bit-titlu ” Enhancing job experience of staff working in drug rehabilitation,” kellu tul ta’ 15-il xahar ta’ implimentazzjoni fejn, fl-istadji inizjali, Caritas Malta iffokat fuq organizzazzjonijiet barranin li lesti jilqgħu lill-parteċipanti u li għandhom esperjenza siewja fil-qasam tar-riabilitazzjoni mid-droga. Dawn il-partners kienu Proyecto Hombre, Catalunya (Spanja); Il Ponte, Civitavecchia (Italja); Coolmine Therapeutic Community (Irlanda); CEIS Formazione, Modena (Italja); u MONAR, Gdansk (Polonja). Iż-żjarat, saru fl-2024, u kull żjara kellha tul ta’ tlett ijiem sħaħ. Iż-żjarat f’Proyecto Hombre, Coolmine, u CEIS kienu ffukati fuq servizzi ta’ riabilitazzjoni għall-adulti, filwaqt li dawk ta’ Il Ponte u MONAR kienu servizzi ta’ riabilitazzjoni ddedikati biss għaż-żgħażagħ.
Staff ta’ Caritas li pparteċipa f’dan il-proġett għamel osservazzjonijiet siewja wara l-dawn l-esperjenzi, u enfasizzaw dawk il-punti b’saħħithom kif ukoll żviluppi possibbli għall-futur. Id-diskussjonijiet u l-iskambji li kellhom mal-professjonisti kienu ta’ ġid kbir u wasslu għall-fehim li l-mudell tal-komunità terapewtika, li jintuża globalment f’eluf ta’ ċentri ta’ riabilitazzjoni mid-droga, huwa għodda ta’ ispirazzjoni li tagħti lil individwi ċans biex jibdlu lilhom infushom.
Il-proġett wasal fi tmiemu f’Diċembru 2024. Caritas Malta tixtieq tirringrazzja lill- European Union Programmes Agency għall-għajnuna siewja tagħha matul dan il-proġett u talli għamlet tali opportunitajiet disponibbli.