Miguel Mifsud, li sena ilu għamel ġirja ta’ 100 kilometru madwar il-kosta ta’ Malta, li ġiet fi tmiemha fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, dis-sena se jidħol għal sfida ħafna ikbar b’ġirja ta’ 100mil – b’risq Caritas Malta.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ it-Tnejn 17 ta’ Marzu, fejn Miguel Mifsud se jidħol għal sfida ta’ 100mil did-darba fit-trakka ta’ Mediterrenean College of Sport, Birkirkara, fejn biex ilesti din l-isfida jrid jagħmel 405 dawra mat-trakka bejn il-11 ta’ filgħodu tal-5 ta’ April, sal-11 ta’ filgħodu tal-għada 6 ta’ April.
Anthony Gatt Direttur ta’ Caritas Malta, irringrazzja lil Miguel Mifsud, u wkoll lil dawk kollha li jagħtuh sapport, b’mod speċjali lil Mediterrenean College of Sport u numru sabiħ ta’ sponsors. Is-Sur Gatt tkellem dwar il-valur qawwi li qed jagħti lis-soċjetà; dik li d-dipendenza fuq id-droga tista’ tintrebaħ u kemm l-isport jista’ jintuża bħala għodda importanti biex tgħix ħajja sana. “Miguel, qed jagħti messaġġ ferm b’saħħtu permezz ta’ din it-3rd party event b’risq Caritas, speċjalment fl-isfond ta’ trends inkwetanti ferm fejn jidħol l-użu ta’ sustanzi. Skont data li għada kif ħarġet minn National Focal Point for Drugs and Drug Addiction, f’Malta qed naraw trends allarmanti fejn tidħol il-kokaina u l-kannabis. Is-saħħa u l-kwantità ta’ dawn is-sustanzi fit-triq dejjem qed tiżdied b’konsegwenzi dejjem iktar serji. Fl-2023 ġew irreġistrati rekord ta’ 18-il mewt ikkawżata mid-droga, 13 minnhom kawża tal-kokaina.” Spjega Anthony Gatt filwaqt li faħħar l-impenn qawwi ta’ Miguel li qed jagħti dan il-messaġġ b’saħħtu li minbarra l-element ta’ ġbir ta’ fondi, qed jagħti tama lil dawk li jixtiequ jinħelsu mid-dipendenza tas-sustanza u jinkorraġġixxi n-natural high permezz tal-attività fiżika.
Miguel Mifsud irringrazzja lil Caritas Malta li għandha post ferm importanti f’qalbu, u wkoll lis-Sur Charlò Bonnici, CEO ta’ Mediterrenean College of Sport li mill-ewwel laqa’ t-talba tiegħu li jagħmel il-mitt mil fit-trakka tal-Kulleġġ Sportiv. Irringrazzja lil dawk kollha li qed jissapportjawh: “6 snin ilu jien ksibt ħajti lura wara 25 sena b’ħafna ups and downs minħabba d-droga; imma grazzi lil Caritas u lil Alla llum napprezza l-ħajja u rrid nagħti lura mill-ħafna li rċevejt lil Caritas u lis-soċjetà. L-isports dejjem kellu importanza kbira f’ħajti u wara li sena ilu għamilt ġirja ta’ 100km, dis-sena se nidħol għal sfida ta’ 100mil; għax m’hawn l-ebda muntanja li ma tistax titla’ u dan qed ngħidu b’mod speċjali għal min jaqta’ qalbu, għax xejn mhu impossibbli, importanti tkun determinat u lest għas-sagrifiċċju u hekk fejn trid tasal” temm jgħid Miguel filwaqt li stieden lil dawk li jixtiequ jżommulu kumpanija fuq it-trakka billi jagħżlu ħin bejn il-11 ta’ filgħodu tal-5 ta’ April sal-11 ta’ filgħodu l-għada 6 ta’ April, inkluż illejl u jkunu jistgħu jagħmlu xi kilometri filwaqt li jagħtu donazzjoni.
Charlò Bonnici, CEO ta’ Mediterrenean College of Sport ikkongratula lil Miguel Mifsud għal dawn l-inizjattivi; “Persuna li jispirani immens, u huwa ta’ pjaċir għalina li permezz ta’ dan il-villaġġ sportiv nilqgħu lil Miguel b’din l-attività. Dan il-post marbut mal-isport u ż-żgħażagħ, bi 80 sena ta’ storja sportiva jospità fih football, għawm, ġinnastika, padiljun għal tipi ta’ dixxiplini differenti u atletika. Kulleġġ b’investiment ta’ 15-il miljun ewro, li bla dubju żamm il-filosofija tal-Ġiżwiti – to be a man for others – filosofija ta’ sħubija b’messaġġ li qed ngħadduh lit-tfal li qed nieħdu ħsieb aħna,” esprima Charlò Bonnici filwaqt li anki ħeġġeġ membri tat-trakka tal-Kulleġġ biex jagħtu sapport lil Miguel Mifsud f’din il-festa ’l bogħod mid-droga u viċin l-isport.
Miguel Mifsud se jagħmel il-mitt mil f’ħin ta’ 24 siegħa bejn il-11 ta’ filgħodu tal-5 ta’ April sal-11 ta’ filgħodu tas-6 ta’ April.
Il-Pubbliku hu mħeġġeġ jagħti s-sapport tiegħu billi jagħti donazzjonijiet f’kont apposta ta’ BOV għal din l-attività bl-isem Giving back run, numru tal-kont IBAN: MT60VALL22013000000050020756300 jew Revolut 77070801, inkella jimxi jew jiġri ma’ Miguel u jagħti donazzjoni fil-post. Dħul għat-trakka jista’ jkun permezz tal-car park tal-Mediterranean College of Sport, Triq P.P. Castagna B’Kara, jew permezz tal-gate fi Triq Xorrox B’Kara (naħa tal-infetti). Bejn it-8.30pm u l-5.00am id-dħul ikun biss mill-car park tal-Mediterranean College of Sport.