“Ix-Xjuħija – Żmien ta’ Grazzja” Papa Franġisku
HelpAge, unit fi ħdan Caritas Malta, jieħu opportunità li ssellem lill-anzjani kollha, fl-1 ta’ Ottubru 2018 – Jum Internazzjonali tal-Anzjani.
L-Anzjanità huwa żmien ta’ grazzja li ġġib magħha wkoll ħafna sfidi. Il-mod kif niffaċċaw, ngħixu u naċċettaw dawn l-isfidi jiddetermina kemm ngħixu dan iż-żmien tax-xjuħija fil-milja tiegħu.
Dawn l-aħħar 50 sena d-dinja esperjenzat tibdil kbir fid-demografija. Fejn sar żvilupp u l-bniedem qiegħed jgħix aktar komdu u aktar fit-tul, ġab miegħu ukoll sfidi ġodda. Fost l-isfidi, ħafna anzjani qegħdin isofru minn Esklużjoni Soċjali b’konsegwenza ta’ solitudni u sens ta’ abbandun. Dan jista’ jkun imponut, iżda xorta jista’ jitfa’ l-anzjan f’riskju akbar ta’ mard fiżiku u mentali.
Caritas Malta permezz ta’ Helpage, taħdem bla heda biex tassigura li l-anzjan jgħix ħajja dinjituża, tappella biex tinħoloq kuxjenza li tkun sensittiva għall-bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali u psikologiċi tal-anzjan. Din hija l-akbar forma ta’ edukazzjoni li nistgħu ngħaddu lil uliedna għal soċjetà aktar b’saħħitha. “Soċjetà li ma tħaddanx l-anzjan tiċħad l-għeruq u xxekkel il-futur” Nelson Mandela.
Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta kkumenta li l-anzjani għandhom rwol sħih fil-komunitajiet tagħna u jinsab ferm grat li numru sabiħ ta’ voluntiera ma’ Caritas Malta huma anzjani u jagħtu kontribut ferm siewi f’diversi fergħat ta’ għajnuna soċjali u fl-amministrazzjoni. Dawn l-an
zjani jservu ta’ role
models li jfakkruna fil-valuri ta’ rispett u solidarjetà.
L-anzjani huma parti integrali tas-soċjetà. Kien bl-għaraq, l-isforz u d-dedikazzjoni tagħhom li ġie ffurmat il-pedament ta’ pajjiżna. Illum, ħafna drabi, huma l-appoġġ għal uliedna, u li għad għandhom l-għarfien u l-għerf għal-iżvilupp tal-pajjiż.
Nirrispettawhom u nħobbuhom
Caritas Malta tistieden lil anzjani kollha għal ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament tal-ħajja li ser issir b’quddiesa ċċelebrata nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Ottubru 2018, fid-9.30 ta’ filgħodu, fis-Santwarju Bażilika tal-Assunta, il-Mosta, bit-tema ‘Ix-Xjuħija – Żmien ta’ Grazzja’ tema magħżula mill-Papa Franġisku għal jum dinji ta’ din is-sena.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajja se jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u se tkun immexxija mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi.