Tħawwil ta’ siġar fi djar ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas Malta
Caritas Malta tirringrazzja lil PT Matic Enivironmental Services Ltd u lil Saġġar li grazzi lilhom tħawlu madwar 150 siġra fi spazji li joffru d-djar ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas.
Il-moviment Fokolari ħa ħsieb parti mill-ispejjeż u flimkien mar-residenti li qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni u wkoll voluntiera minn Camini…amo qattgħu ħin flimkien iħawlu siġar indiġeni.
Jeffrey Muscat, Head tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, esprima li din hija kontribuzzjoni lejn titjib u tisħiħ tal-ambjent naturali li tant huwa importanti li jiġi mħares.
Claude Ebejer minn Saġġar qal li “Hija xewqa tagħna li noħolqu monument ħaj bħala Maltin, li jsaħħaħ l-ambjent bi ħsieb għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
PT Matic li resqu fuq Caritas Malta b’din il-proposta, żviluppat fi proġett fejn issebbaħ l-ambjent permezz ta’ dawn is-siġar.
Camini…amo huwa grupp ta’ persuni b’karattri u attitudnijiet differenti, b’diversità ta’ esperjenzi differenti fil-ħajja. Ta’ kull sena grupp ta’ pellegrini jimbarkaw fuq dan il-vjaġġ għall-Camino de Santiago fi Spanja. Camini…amo jieħu dan il-vjaġġ fuq livell ieħor personali u b’entużjażmu il-grupp jagħżlu entità u jagħtu għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Għal sena oħra, Camini…amo għażlu l-entità ta’ Caritas Malta biex permezz tal-pellegrini tagħhom, jagħmlu ħidma volontarja matul ix-xhur ta’ tħejjija għall-vjaġġ tagħhom. F’din l-ewwel attività, flimkien mal-Moviment tal-Fokolari u residenti ta’ Caritas Malta taw sapport biex tħawwlu dawn il-150 siġra
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, tenna l-ħsieb ta’ Papa Franġisku li l-ħidma favur il-fejqan u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem tesiġi li tmur id f’id mal-ħidma favur il-fejqan u l-kura tal-ambjent, id-dar naturali tal-bniedem.
B’dan il-għan Caritas Malta flimkien mal-għajnuniet kollha li resqu għal dan il-proġett, qed tagħmel dan il-ġest li jitħawlu siġar fl-ambjenti ta’ djar terapewtiċi.