Il-Ħadd 12 ta’ Mejju, minbarra ġurnata ferm speċjali fejn ġie ċċelebrat Jum l-Omm, saret b’suċċess it-tieni edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, li issa daħlet fil-kalendarju ta’ Caritas bħala attività fiżika annwali.
Din il-ġirja rat madwar 1250, fejn ħamest ijiem qabel, l-organizzaturi għalqu l-applikazzjoni minħabba li kien intlaħaq il-massimu ta’ persuni li setgħu jipparteċipaw. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem 450 parteċipant iktar meta mqabbel mal-ewwel edizzjoni li saret f’ Ottubru 2023.
Esperti fil-qasam irrimarkaw dwar il-konkorrenza qawwija ħafna għall-Caritas Run For Life fejn iktar minn 500 persuna rreġistraw għall-ġirja ta 5km, kif ukoll rat fost l-ikbar ġirjiet f’Malta f’ammont tat-tfal minn diversi clubs. Bosta rrimarkaw il-livell għoli ta’ organizzazzjoni u sigurtà. Ir-Rotta ntlaqgħet ħafna mir-runners għax rotta pjuttost ċatta, kollha fil-kampanja u mingħajr traffiku. Kienu wkoll bosta l-voluntiera li għenu fil-preparamenti kif ukoll matul l-attività. Ir-residenti kollha mill-programmi ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas taw sehem bħala voluntiera kif ukoll kien hemm min ipparteċipa f’ġirja jew mixja. Esperjenza komuni mar-residenti u kull min ipparteċipa kienet ta’ ferħ ġenwin u sodisfazzjon u sens altruistiku. Id-donazzjonijiet kollha li nġabru se jmorru għas-servizzi ta’ Caritas li huma bla ħlas biex jilħqu lil dawk l-iktar vulnerabbli.
Il-ġirja ta’ 5km bdiet fis-07 ta’ filgħodu segwita bl-10 Km fis-0730am; il-ġirja tat-tfal bejn l-10 u t-13-il sena, it-2.5km, bdiet fit-0830 ta’ filgħodu segwita mill-mixja ta’ 4Km u fid-0845 ta’ filgħodu saret il-1Km, tellieqa għal tfal bejn 6 u 9 snin.