Waqt konferenza stampa dalgħodu, tħabbru dettalji dwar il-Kunċert HOPE mtella’ minn Joy Gospel Singers bil-parteċipazzjoni ta’ studenti mill-iskola ta’ St Joseph Mater Boni Consilii tar-Raħal Ġdid.
Dan il-kunċert se jittella’ nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Marzu, fit-08 ta’ filgħaxija fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta is-Sur Anthony Gatt, sellem il-memorja tal-Monsinjur Victor Grech u peress li din hija l-ewwel attività li se tittella’ wara t-telfa tiegħu, dan il-kunċert se jkun iddedikat ad unur l-imħabba u l-impenn ta’ ħidmietu f’Caritas Malta.
Caritas Malta tagħmel diversi appelli għal 3rd party events u Michelle Abela, id-Direttur ta’ Joy Gospel Singers, avviċinat lil Caritas biex jittella’ kunċert b’mużika Gospel b’risq Caritas Malta. Dan se jkun ta’ sostenn għas-servizzi li tagħti bla ħlas Caritas Malta.
“Caritas tara madwar 800 persuna fis-sena mill-Caritas Community Centre, il-Ħamrun, servizzi varji minn użura, problemi ta’ saħħa mentali, logħob tal-azzard u problemi emozzjonali; dawn is-servizzi psiko-soċjali huma kollha bla ħlas. Fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga, Caritas rat madwar 900 persuna fis-sena li attendew għall-għajnuna fl-2023 u fl-2024, fejn rat qabża fl-ammont ta’ persuni li jitolbu l-għajnuna, komparat mas-700 persuna fis-snin ta’ qabel.
Minbarra li dan il-kunċert se jkun qed jgħin b’mod dirett mid-donazzjonijiet li se nirċievu, qed jippromwovi dak li aħna nsejħulu natural high permezz tal-mużika. Għalhekk nirringrazzja lil Joy Gospel Singers, il-Kapitlu tal-Katidral lill-Arċipriet Mons. Claude Portelli, lill-Prof. Mons Edgar Vella, lill-istudenti li se jipparteċipaw mill-iskola ta’ St Joseph Mater Boni Consilii tar-Raħal Ġdid u finalment lil LIDL li dejjem ta’ spalla kontinwa wara l-ħidma ta’ Caritas”, qal Anthony Gatt filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku jattendi għal dan il-Kunċert.
Is-Sinjura Michelle Abela, id-Direttur ta’ Joy Gospel Singers tkellmet dwar il-kunċert fejn b’mużika Gospel se jkunu qed iwasslu siltiet popolari anki marbuta mas-sena tal-Ġublew tat-tama, fil-fatt il-kunċert iġib l-isem Hope, u wkoll siltiet addattati għal żmien ir-Randan. “Għażilna Caritas Malta u għażilna t-tema Tama għax dak proprju li tagħmel din l-organizzazzjoni – tagħti ħafna tama li dawk il-persuni vulnerabbli li jmissu magħha. Bħalissa il-kantanti għaddejja b’diversi rehearsals, biex dan il-kunċert minbarra li se jgħin lil Caritas, se jferraħ ukoll b’mużika stil Gospel lil dawk li se jattendu”, temmet tgħid is-Sinjura Abela.
Is-Sur Owen Micallef Direttur ta’ LIDL, spjega li dejjem ta’ pjaċir li jikkollaboraw ma’ Caritas Malta mhux biss f’donazzjonijiet ta’ flus imma anki permezz tal-iskema Food Saving Bank. “Dawn l-aħħar sentejn ħdimna viċin ħafna ta’ Caritas anki permezz ta’ korsijiet mogħtija lil residenti biex jintegraw lura fis-soċjetà permezz ta’ xogħol u b’hekk il-kollaborazzjoni tagħna dejjem tissaħħaħ u tikber”, esprima is-Sur Micallef minn LIDL.
Biex wieħed jattendi l-kunċert HOPE minn Joy Gospel Singers fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Marzu fit-8 ta’ filgħaxija għandu jżur is-sit: https://www.caritasmalta.org/thejoygospelsingersconcert/