ĠBIR TA’ FONDI GĦAT-TURKIJA U S-SIRJA

 

CARITAS MALTA B’SEJĦA TA’ EMERĠENZA

 

Fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il-poplu tat-Turkija u s-Sirja li bħalissa għaddej minn tbatija kbira minħabba t-terrimoti qawwija li laqtu lil dawn iż-żewġ pajjiżi maġenb xulxin. Din hi waħda mill-inizjattivi li l-Knisja f’Malta qed tieħu biex tgħin lill-poplu Sirjan u Tork.

Is-Sirja ntlaqtet mit-terremot, bl-iktar wieħed b’saħħtu mill-1995, fejn l-aktar li ntlaqat hu t-Tramuntana tal-pajjiż. Iż-żoni l-iktar milquta huma viċin Idleb, Lattakia u Aleppo.

In-naħa t’isfel tat-Turkija, fis-6 ta’ Frar fl-4:17am, intlaqtet ukoll minn terremot b’saħħa ta’ 7.9 fuq skala ritcher.

Bejn iż-żewġ pajjiżi, mietu madwar 7,000 persuna u eluf oħra jinsabu midruba. Bħalissa għadha għaddejja ħidma biex jiġu salvati persuni li għadhom mirduma taħt it-tiġrif.

Is-Sirja rrappurtaw mill-inqas 2,600 persuna ċertifikati mejta u madwar 3,500 midruba. It-Turkija fi stqarrija lill-media qalet li madwar 5,400 persuna mietu u madwar 20,000 persuna jinsabu midruba.

Dan it-terremot ġarraf numru kbir ta’ binjiet fejn għadha għaddejja ħidma kbira biex jinstabu persuni ħajja. It-temp mhux qed jagħmilha faċli peress li maltempata ta’ silġ tellfet mill-ħidma ta’ salvataġġ.

Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dawn il-pajjiżi.

L-għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall-iġjene personali, bl-aktar immedjat tkun sejħa għall-ikel u wkoll kenn f’postijiet għal min tilef kollox.

 

Donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jsiru f’dawn il-kontijiet bankarji:

  • HSBC MT22MMEB44897000000089021513051
  • BOV MT78VALL22013000000040023270071
  • APS MT31APSB77046000489010489011015

Id-donazzjonijiet jistgħu wkoll jintbagħtu b’ċekk (il-banek isarrfu biss ċekkijiet ta’ €21 ’il fuq) pagabbli lill-Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat lil: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. Wieħed jista’ jgħaddi wkoll personalment f’Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun u jħalli d-donazzjoni tiegħu.

Id-donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta.

 

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar kif jista’ jgħin lis-Sirja u t-Turkija jista’ jċempel fuq 22199000.