Direttur ġdid għal Caritas Malta

Caritas Malta ssellem lil Leonid McKay u tilqa’ lil Anthony Gatt bħala d-Direttur il-ġdid

 

Caritas Malta tirringrazzja mill-qalb lis-Sur Leonid McKay għall-ħidma fejjieda li wettaq tul dawn l-aħħar snin bħala d-direttur tagħha. Id-dedikazzjoni u l-impenn sħiħ b’imħabba li wera favur il-fqir, l-emarġinat u l-bniedem fil-bżonn, kienu ta’ ispirazzjoni u ħallew ħafna frott.

Caritas tieħu din l-opportunità biex issellem lil Leonid McKay u filwaqt li tawguralu fil-kariga ġdida tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, tinsab ċerta li se jkompli jagħmel il-ġid b’risq is-soċjetà Maltija.

Fl-istess ħin tilqa’ bil-ferħ il-ħatra tas-Sur Anthony Gatt, psikologu, fl-irwol il-ġdid tiegħu ta’ Direttur ta’ Caritas Malta. Anthony Gatt, li mhux wiċċ ġdid għal Caritas, ilu għal dawn l-aħħar snin jikkoordina s-servizzi u programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Caritas tinsab fiduċjuża li hu se jkompli jaħdem u jsaħħaħ il-firxa ta’ servizzi, jara li Caritas tibqa’ l-vuċi ta’ min qed ibati u li tkompli fil-ħidma tagħha favur il-ġid komuni.