Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu Caritas Malta ngħatat il-President’s Award mill-Malta Employees Sports Association, waqt serata annwali ta’ Awards Night imtella’ minn MESA. Dan l-award ifisser ħafna għal Caritas Malta fejn f’dawn l-aħħar snin qed tagħti spinta kbira fejn tidħol l-attività fiżika u l-isport; mhux biss bl-attività annwali ta’ Caritas Run ForLife, imma wkoll tinkorraġġixxi li fi djar ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga, residenti
jesperjenzaw dixxiplini sportivi differenti.
Persuni li jispiċċaw programm b’suċċess, meta jiggradwaw jgħaddu għall-fażi ta’ Aftercare f’Dar Charles Miceli, fejn flimkien mal-proċess terapewtiku, jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-Caritas Football Team, il-Caritas Athletics Team jew anki sport ieħor.
Caritas Football Team jipparteċipa f’diversi tournaments u f’Awwissu anki kellhom l- opportunità jmorru Sqallija, f’Modica fejn ħadu sehem f’tournament imtella’ mill-Fondazzjoni Pupi Zanetti. Din il-fondazzjoni Pupi twaqqfet fl-2001 biex tagħti sapport tfal b’ħafna
bżonnijiet fl-Arġentina.
It-team tal-footbal ta’ Caritas Malta jieħu sehem attiv fil-league li torganizza l-MESA 5- a side u għall-istaġun li ġej, it-team se jerġa’ jkun parti minn dan il-league.
Matul is-sena Caritas Malta torganizza żewġ tournaments fejn staff u residenti minn djar diversi li għandha Caritas, jipparteċipaw b’ħeġġa.
Fl-aħħar ta’ Awissu 2024 ttella’ Summer Night Football Tournmanet f’San Blas fejn ħadu sehem seba’ timijiet. F’din l-edizzjoni t-Team tal-Aftercare rebaħ dan it-tournament.
Numru sabiħ ipparteċipa f’sitt obstacle course races f’dawn l-aħħar sentejn u numru ta’ ġirjiet oħra lokali li jiġu organizzati minn żmien għal żmien inkluż dawk ta’ MESA.
Il-President tal-MESA, is-sur Mark Marlow, esprima kif MESA tħeġġeġ l-isport fostimpjegati ta’ diversi entitajiet bl-iskop li ttejjeb is-saħħa fiżika u bi skop soċjali. Għall-MESA l-isport hu għodda biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol. Is-Sur Marlow esprima l-ammirazzjoni lejn Caritas li wkoll qed tilħaq dawn l-għanijiet fil-ħidma tagħha u li hu ta’ unur għall-MESA li tagħti kontribut fir-riintegrazzjoni ta’ diversi persuni li
jirrijabilitaw ruħhom.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, irringrazzja lil MESA tal-unur li Caritas ingħatat fil-lejla tal-Awards u esprima l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ konsistenti li MESA tagħti lil Caritas. Kompla jgħid li “l-isport għandu vantaġġi infiniti għall-bniedem u jammira
ħafna l-kumitat sħiħ ta’ MESA li jaħdem b’mod volontarju għal għan daqshekk
nobbli”.
Akkumpanjaw lid-Direttur ta’ Caritas Malta f’din is-serata, is-Sur Ian Diacono, Kordinatur Kliniku u s-Sur Bruce Xuereb, membru tal-istaff u organizzattur tal-isport f’Dar Charles Miceli.