CARITAS MALTA TINAWGURA DIGITAL MEDIA LAB FIĊ-ĊENTRU TERAPEWTIKU GĦALL-ADOLEXXENTI TAL-IBWAR

Caritas Malta inawgurat Digital Media Lab fiċ-Ċentru Terapewtiku għall-Adolexxenti tal-Ibwar fil-preżenza tal-Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija Fr Martin Micallef, l-Onorevoli Ministru Michael Falzon għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Onorevoli Graziella Attard Previ Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt u d-Direttur Ġenerali ta’ PPCD Fondi Ewropej Dr Georgina Scicluna.

Il-Kordinatur Kliniku tas-servizz ta’ Caritas Tal-Ibwar għall-Adolexxenti, Dr Daniel Mercieca ta merħba lil dawk li attendew għal din l-inawgurazzjoni u rringrazzja lil dawk preżenti li kienu ta’ kontribut siewi. Dan id-digital lab jiftaħ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ waqt il-vjaġġ tagħhom fil-programm u permezz ta’ edukatur ta’ digital media, residenti u klijenti jistgħu jitħarġu f’ħiliet ta’ fotografija, vidjografija u wkoll mużika.

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Fr Martin Micallef tkellem dwar il-ġid li qed isir permezz ta’ dan iċ-ċentru u kemm hu sabiħ li fis-sena li l-Knisja se tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama bla dubju tal-Ibwar huwa l-post li jagħti tama kbira lil dawn l-adolexxenti u lill-familji tagħhom.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, spjega dwar l-enerġija tant sabiħa li jagħtu ż-żgħażagħ. Tkellem dwar il-privileġġ li “ngħixu din l-esperjenza ta’ Caritas – Love in action – u proprju dak li qed ngħixu f’dan iċ-ċentru, id-definizzjoni ta’ mħabba. Din il-komunità għandha ħafna spalel ta’ sapport” temm jgħid filwaqt li rringrazzja lil kull min qed jgħin biex dawn iż-żgħażagħ jieħdu lura d-dinjità kollha li jixraqilhom. Is-Sur Gatt kompla jispjega li dan il-proġett seta’ jkun possibbli grazzi għall-Fondi Ewropej li dawn iwasslu fejn ma twassalx l-organizzazzjoni.

Waqt it-tnedija żewġ żgħażagħ residenti tal-Ibwar, tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom u x’għamlet magħhom Caritas. “Illum qed nagħrfu s-sabiħ tal-ħajja, illum irrid ngħix u tal-Ibwar laqqagħni mal-mużika li fiha jien insib żvog” esprima wieħed mill-adolexxenti filwaqt li komplew jitkellmu dwar il-ħiliet li kisbu tul il-programm u kemm japprezzaw li llum jistgħu jaffrontaw il-ħajja b’lenti differenti ’l bogħod mid-dipendenza fuq id-droga.

Id-Direttur Ġenerali ta’ PPCD Dr Georgina Scicluna qasmet ftit ħsibijiet waqt din l-inawgurazzjoni: “Fondi Ewropej jintużaw għal skopijiet u bżonnijiet biex nilħqu lill-vulnerabbli u b’hekk ikollna opportunità naħdmu mill-qrib mal-NGOs u l-klijenti tagħhom. Dak li qed nesperjenzaw illum iħallik bla kliem imma r-riżultat ta’ suċċess iħallilek ferħ kbir u jagħtik inkorraġġiment li nibqgħu naħdmu viċin tagħkom” temmet tgħid Dr Scicluna.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-esperjenza li tħallilek inawgurazzjoni bħal din u jagħti messaġġ sabiħ li filwaqt politikament jista’ jkun hemm opinjonijiet diversi, dak li hu ċert li dejjem għandu jingħata l-ewwel, it-tieni, it-tielet u kemm hemm bżonn ċans li persuna ssib lilha nnifisha ’l bogħod mill-vizzju: “fil-ħajja pubblika jew politika l-ikbar sodisfazzjoni jibqa’ dak li tagħti għajnuna lil xi ħadd. Grazzi lil Caritas, il-messaġġ tiegħi liż-żgħażagħ hu; taqtgħux qalbkom għax il-maltemp dejjem jgħaddi – emmnu fikom infuskom għax int ħafna ikbar mis-sustanza.” temm jgħid l-Onor. Falzon.

Fit-tmiem id-diskorsi ngħataw ċertifikati lill-adolexxenti u wkoll tifkira magħmula miż-żgħażagħ għal min attenda u wkoll kxif ta’ plakka kommemorattiva fid-digital media lab.