JIBDEW IT-TĦEJJIJIET GĦAT-TMIEN EDIZZJONI TAL-IKLA FIL-KURJA
Għat-tmien sena Caritas Malta qed tistieden lil dawk il-persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il-mezzi sabiex din is-sena jqattgħu Milied b’dinjità u jiġu jieklu flimkien għall-ikla tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.
Is-sena li għaddiet, madwar 500 persuna nġabru fil-Kurja u qattgħu jum il-Milied flimkien hekk kif darba fis-sena, il-Kurja tinbidel f’restorant kbir u ssir post ta’ laqgħa fejn tilqa’ lill‑fqir u lil min għaddej mit-tbatija. Madwar 100 voluntier, li jinkludu ħaddiema u residenti mid-djar terapewtiċi li tmexxi Caritas, se jkunu qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-Ikla tal-Milied.
L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-ikla tal-Caritas hi l-qalba ta’ xi jfisser il-Milied u dak kollu li tfisser il-Knisja, għaliex kif qal Ġesù, “kulma għamiltu fost ħuti għamiltuh miegħi”. Huwa saħaq ukoll li: “Il-ħajja hekk sabiħa, meta taħseb fl-oħrajn għax mill-ġid tiegħek tagħmel oħrajn kuntenti”.
Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, irrakkonta stejjer ta’ nies li għexu fis-solitudni u permezz tal-Ikla tal-Milied irnexxielhom iqattgħu Milied b’dinjità u minn hemmhekk saru jafu bil-gruppi ta’ sapport li toffri Caritas matul is-sena. “Se terġa’ ssir. B’dan il-mod aħna nsejħu lil dawk li jinsabu weħidhom biex jaċċettaw l-istedina ta’ Caritas u jagħmlu l-ewwel pass biex jegħlbu l-weġgħa li ġġib magħha s-solitudni.” Anthony Gatt temm jgħid li l-Ikla tal-Milied hi waħda mill-inizjattivi tal-Knisja f’Malta dakinhar tal-Milied hekk kif Il-Kċina ta’ Marta u l-kappillani se jkunu qed joffru ikliet simili fil-parroċċi f’Malta.
L-ikel għal din l-okkażjoni se jkun ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation waqt li din is-sena wkoll, il-koki tal-Kċina tal-President ta’ Malta se jieħdu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal-Milied biex jitqassam waqt l-ikla. St Peter’s Foundation se tkun qed tagħti wkoll is-sostenn tagħha u l-grupp X-Tend se jkun qed joħloq atmosfera ta’ ferħ bil-mużika tagħhom.
F’isem The Alfred Mizzi Foundation, Julian Sammut qal li l-fondazzjoni hi kburija li għat-tmien sena qed tgħin f’din l-ikla tal-Milied u dan permezz ta’ koki li fil-ħin volontarju tagħhom jippreparaw l-ikel “hekk kif isir ta’ kuljum permezz ta’ Dar Papa Franġisku u l-Kċina ta’ Marta, li bejniethom iqassmu madwar 2,000 ikla fil-ġimgħa”.
L‑Ikla tal‑Milied, organizzata minn Caritas Malta, ilha ssir mill‑2015 fejn dakinhar mal-200 persuna kienu aċċettaw l-istedina ta’ Caritas, u kull sena iktar nies urew ix-xewqa li ma jqattgħux il-Milied weħidhom. Waqt il-pandemija, l-Ikla tal-Milied saret xorta waħda iżda l-ikel kollu tqassam fid-djar sabiex il-kuntatt man-nies ma jiqafx u ħadd ma jħossu waħdu.
Kull min għaddej minn żmien ta’ solitudni jew m’għandux il-mezzi finanzjarji biex jagħmel l-ikla tal-Milied hu mistieden iċempel fuq 79555915 jew jibgħat email fuq info@caritasmalta.org jew permezz tal-paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.