ĠBIR TA’ FONDI GĦALL-UKRAJNA

CARITAS MALTA B’SEJĦA TA’ EMERĠENZA

Fuq talba tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas
Internationalis, qed tappella għal donazzjonijiet ta’ flus b’risq il-poplu tal-Ukrajna li
bħalissa għaddej minn tbatija kbira minħabba l-gwerra. Din hi waħda mill-inizjattivi li
l-Knisja f’Malta qed tieħu biex tgħin lill-poplu Ukren.

Madwar tliet miljun persuna Ukrena għandhom bżonn għajnuna umanitarja wara
l-attakki mir-Russja li bdew fl-24 ta’ Frar. L-attakki mill-armata Russa għamlu diversi
ħsarat f’diversi bliet fil-Lvant tal-Ukrajna, fosthom fil-kapitali Kyiv, fejn ġew
ibbumbardjati djar, appartamenti, sptarijiet u skejjel.

Caritas Malta qed tappella għad-donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis
tingħata l-assistenza tant meħtieġa f’dan il-pajjiż.

L-għajnuna se tissarraf f’ikel, ilma, akkomodazzjoni u oġġetti għall-iġene personali. Se
tingħata wkoll għajnuna lill-persuni vulnerabbli sabiex jingħaqdu mal-qraba tagħhom li
jinsabu f’żoni siguri filwaqt li qed jinħolqu wkoll spazji rikreattivi għat-tfal. Dan biex
huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fi sports u attivitajiet li jtaffu ftit mit-tbatija psikoloġika
li għaddejjin minnha.

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jibgħat ċekk pagabbli lill-Fondazzjoni Caritas Malta
– Emergency Aid Fund, indirizzat: Caritas Community Centre, Emergency Aid
Commission, Triq Mountbatten, il-Ħamrun, ĦMR 1577. Id-donazzjonijiet jistgħu
jingħataw ukoll lill-kappillani fil-parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta.
Jistgħu jiġu depożitati wkoll donazzjonijiet ta’ flus f’dawn il-kontijiet bankarji:
HSBC MT22MMEB44897000000089021513051
BOV MT78VALL22013000000040023270071
APS MT31APSB77046000489010489011015

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll online fuq www.caritas.org/ukraine-appeal-22.
Fl-aħħar jiem, il-Papa Franġisku appella diversi drabi għat-talb u l-paċi fl-Ukrajna.
L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph
Galea-Curmi jingħaqdu fl-appell tal-Papa Franġisku u jistiednu lill-Insara f’Malta biex
filwaqt li jitolbu għall-Ukrajna, ikunu ġenerużi bid-donazzjonijiet tagħhom b’risq dawk
li qed ibatu.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar kif jista’ jgħin lill-poplu Ukren jista’ jċempel fuq
22199000