Reazzjoni għall-proposta fil-liġi dwar il-CANNABIS  

                                                 

Caritas Malta u l-Fondazzjoni Oasi b’reazzjoni għall-proposta fil-liġi dwar il-CANNABIS

Caritas Malta flimkien mal-Fondazzjoni Oasi, jinsabu ferm konċernati li l-proposta ta’ qafas legali ġdid għall-użu responsabbli tal-Cannabis kif ippreżentat mill-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onorevoli Owen Bonnici lbieraħ 6 ta’ Ottubru 2021, imur oltrè minn dak li ġie ppreżentat fil-White Paper u jikkontempla wkoll id-distribuzzjoni tal-Cannabis minn assocjazzjonijiet għall-użu rikreattiv. Flimkien mal-proposti l-oħra dwar il-pussess u l-kultivazzjoni, dan hu pass ieħor lejn iktar normalizzazzjoni tal-użu tal-Cannabis, iżid il-perċezzjoni liż-żgħażagħ li l-Cannabis m’għandiex perikli, u li eventwalment ikompli jiżdied l-użu.

Il-pajjiż qiegħed f’punt l-iktar kritiku biex jiddeċiedi jressaqx il-Cannabis lejn il-kategorija ta’ sustanzi bħall-alkoħol u t-tabakk (sigaretti). L-alkoħol u s-sigaretti li huma droga li tista’ taċċessa legalment, jitqiesu bħala l-iktar żewġ sustanzi li jikkawżaw danni fis-soċjetà tagħna f’terminu ta’ saħħa. Id-dibattitu tal-Cannabis qatt ma kien wieħed iswed fuq l-abjad, però finalment kull pass  lejn il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-Cannabis jesponi lis-soċjetà tagħna għall-iktar ħsara mill-ġid.

Insostnu l-pożizzjoni li bħala soċjetà m’għandna qatt nippromwovu u niffaċilitaw b’mod dirett jew indirett l-użu tal-Cannabis (u drogi oħra), u naħdmu bla waqfien biex ninkorraġġixxu ħajja sana u wkoll għażliet sani ta’ rikreazzjoni.

 Dawn huma gruppi li jinsabu f’riskju b’dawn il-proposti:

  • L-użu fit-tul tal-Cannabis iżid ir-riskju tal-Alzheimer iktar ’il quddiem fil-ħajja. Bit-tneħħija ta’ kwalunkwe sanzjoni sa 7 grammi u bil-pussess ta’ 4 pjanti, u anke l-aċċess għall-użu permezz ta’ social clubs jistgħu b’mod involontarju jsaħħu l-użu anki fuq dawk magħrufa li jużaw il-Cannabis b’mod soċjali
  • L-użu fit-tul tal-Cannabis jaffettwa partijiet mill-funzjonijiet tal-moħħ relatati mal-memorja u mal-funzjonijiet intellettwali, u li dawn ma jerġgħux lura għan-normal meta jitwaqqaf l-użu.
  • In-normalizzazzjoni tal-użu tas-sustanza huwa partikolarment perikoluż għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-użu tal-Cannabis mill-adolexxenti joħloq ħsara devastanti fuq il-moħħ. Din hija inkwetanti b’mod speċjali meta l-Cannabis tista’ tagħmel ħsara fl-adolexxent fil-kapaċità tiegħu għat-tagħlim u t-twaqqif tal-iżvilupp tal-moħħ. Barra minn hekk wieħed minn kull sitt adolexxenti li jużaw il-Cannabis jistgħu jiżviluppaw dipendenza fuq is-sustanza (WHO, 2016)
  • Il-persuni dipendenti se jsofru. Filwaqt li nirrikonoxxu li mhux kull min juża l-Cannabis eventwalment se jiżviluppa dipendenza fuq il-Cannabis jew sustanzi oħra, mill-esperjenza tagħna rajna li kważi kull persuna b’dipendenza serja bdiet bil-Cannabis. Huwa stmat li wieħed minn kull għaxar adulti li bdew jużaw il-Cannabis meta kienu adulti żviluppaw dipendenza sħiħa fuq il-Cannabis (WHO, 2016). Persuni li sfaw dipendenti fuq l-użu tal-Cannabis jew sustanzi oħra, se jsibu iktar diffikultà biex inaqqsu l-użu tagħhom f’ambjent legali permessiv u se tkun iktar diffiċli għalihom biex jieqfu.
  • Il-Familji li jgħaddu minn tbatijiet ma’ qarib li huwa dipendenti fuq il-Cannabis jew sustanzi oħra, jgħaddu minn tensjoni u taħbit enormi biex jimmottivaw lil dawk għeżież għalihom biex ifittxu l-għajnuna. Ġenituri u msieħba ta’ persuni li jużaw il-Cannabis, diġà qed jesperjenzaw sens ikbar ta’ disprament, meta dawn l-għeżież jesprimu li l-Cannabis huwa dritt ta’ persuna u “daqt tkun legalizzata”
  • Persuni li qed jirkupraw mid-droga jkomplu l-vjaġġ tagħhom tul ħajjithom. Dawn se jiffaċċaw riskju ta’ relapse, li jerġgħu jaqgħu, meta ffaċċati b’approċċ iktar permessibbli u possibbilment iktar esponiment ta’ kultivazzjoni ta’ pjanti u sustanza fid-djar.
  • Dawk predisposti għall-problemi ta’ saħħa mentali se jsofru. Porzjon mill-popolazzjoni li hija ġenetikament predisposta li tiżviluppa kundizzjoni psikotika bħal skiżofrenija, huwa f’riskju iżjed li jkollhom din il-kundizzjoni bl-użu tal-Cannabis. Dawn in-numri se jiżdiedu proporzjonalment b’aktar użu.
  • Il-movimenti favur il-liberalizzazzjoni użaw l-argument li dik il-frotta pprojbita tattira u tinstiga iktar liż-żgħar biex jużaw is-sustanza sforz l-eċitament għax qed tagħmel attività illegali. In-normalizzazzjoni tal-konsum tal-Cannabis mhux se jtemm din id-dinamika għax sustanzi oħra jieħdu l-irwol tal-frotta projbita u pront iżid l-użu f’dawn is-sustanzi.

Nibqgħu nittamaw li f’dan l-istadju ssir diskussjoni serja, u nappellaw lill-Awtoritajiet u l-partiti politiċi biex iqisu sew il-prezz li jkollha tħallas is-soċjetà, it-tfal u l-familji tagħna u dawk li l-iktar se jintlaqtu ħażin minn dawn il-proposti.

Aħna nibqgħu impenjati biex il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom ħajja aktar b’saħħitha ’l bogħod mill-użu tad-droga.