COVID-19 SOLIDARITY BOXES

Konferenza Stampa Konġunta

Il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju 2020

 Caritas Malta flimkien ma’ Home Economists in Action ippreżentaw:

COVID-19: Kaxxi ta’ Solidarjetà  – Għajnuna għall-benesseri tal-   familji fil-bżonn

Caritas Malta flimkien ma’ Home Economists in Action ħadmu fuq proġett ta’ Kaxxi ta’ Solidarjetà fejn qed jiġu proposti bħala forma ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-familji fil-bżonn matul dan il-perjodu ta’ sfida.

L-għan ta’ dawn il-kaxxi b’lista tal-oġġetti varji  hu li joffru linji gwida għal min jixtieq jgħin persuni fil-bżonn, dawk li qed jipprovdu assistenza ta’ emerġenza għall-familji vulnerabbli minħabba l-COVID-19 u għal kull min qed jikkunsidra kif jista’ jagħti appoġġ lid-diversi sforzi ta’ għajnuna li qed jiġu mwettqa f’dan iż-żmien.

L-għan aħħari ta’ dawn il-kaxxi huwa li jipprovdu pakkett ta’ oġġetti bażiċi għal dawk il-familji li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra finanzjarja kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, irringrazzja lil media preżenti b’mod virtwali u introduċa lill-persuni li ħadmu fuq din ir-riċerka;  Andrè Bonello li huwa Head tar-riċerka fi ħdan Caritas Malta, Prof Suzanne Piscopo mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni mill-Università ta’ Malta li hija wkoll membru tal-bord tal-amministraturi ta’ Caritas Malta u Stefania Calleja, għalliema u Chairperson tal-Home Economists in Action.

Is-Sur Gatt spjega li dan il-proġett se jwieżen l-iktar lil dawk il-persuni fil-bżonn. Caritas ilha taħdem f’dan il-qasam għal ħafna snin imma bis-sitwazzjoni tal-pandeminja tal-Covid-19 rajna faxxa ġdida ta’ problemi jfeġġu: Anzjani li kienu mgħejjuna d-dar u llum m’għadhomx l-għajnuna minħabba r-ristrizzjonijiet u miżuri ta’ prekawzjoni, persuni li jgħixu Malta ġejjin min pajjiżi barra mill-Ewropa li spiċċaw bla xogħol u mhux bilfors għandhom aċċess għall-benefiċċji. Ġenituri bi tfal b’abbilitajiet differenti li spiċċaw ma jistgħux jattendu respite centres u skejjel. Caritas qed tirrispondi għal dawn is-sitwazzjonijiet permezz ta’ helplines, counselling u social work online, tqassim ta’ solidarity meals, riorjentazzjoni tal-programmi tad-droga bi ftuħ ta’ kwarantina għal persuni għaddejja minn problema tad-droga u persuni bla saqaf fuq rashom. “Hawn diversi entitajiet li urew inizjattivi biex iwieżnu lill-oħrajn permezz ta’ Food banks, NGOs, paroċċi u numru ta’ kumpaniji u entitajiet privati. Dawn jikkumplimentaw l-inzjattivi ta’ kumpensi u benefiċċji tal-gvern u anke jsostnu servizzi soċjali oħra tal-gvern. L-idea wara dan il-proġett ġiet meta bdejna niġu mistoqsija: x’inhuma l-bżonnijiet ta’ persuni u familji li għaddejjin min żmien ta’ kriżi waqt dan il-virus? Din ir-riċerka twieġeb din il-mistoqsija u sservi ta’ linji gwida lil min qed jaħdem f’dan il-kamp ta’ għajnuna u wkoll lil dawk il-benefatturi meta jistaqsu dwar donazzjonijiet”. Is-Sur Anthony Gatt temm jgħid li Caritas Malta kienet għaddeja bir-riċerka għat-tielet edizzjoni tal-Minimum Essential Budget for a Decent Living u kien maħsub li dan l-istudju jiġi ppreżentat għal April ta’ din is-sena; studju li jsir kull 4 snin. Fid-dawl tal-COVID-19 ma kienx opportun li nippreżentaw dak l-istudju imma ndawru l-isforzi ta’ riċerka ta’ Caritas Malta biex nindirizzaw is-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Il-Prof Suzanne Piscopo spejgat kif diversi familji sabu ruħhom f’diversi sitwazzjonijiet ta’ problemi finanzjarji b’qagħda mwiegħra finanzjarja – minħabba telf ta’ mpjieg u problemi oħra.

Prof. Piscopo ppreżentat info graphic bi prezz għal kull kaxxa ta’ solidarjetà skont diversi tipi ta’ familji. L-ikel f’dawn il-kaxxi pjanati li jservu għal madwar erbatax-il-ġurnata, bżonnijiet li jinkludu biex wieħed jgħix b’ikel nutrittiv kif ukoll biex iħares l-iġene. “Min għandu t-tfal, ħsibna għal ftit aċċessorji għalihom, kif ukoll fejn jidħlu l-anzjani anki kura għad-dentatura pereżempju. Ħsibna fuq ikel u frott u ħaxix li jżomm. L-ispiża ta’ kull kaxxa ġiet ikkalkulata fuq 4 tipi ta’ familji: 2 adulti u 2 tfal, 2 adulti tifel/tifla u tarbija, u adult u żewġt itfal u żewġ anzjani. L-iktar spiża ogħlja hi fejn hemm tarbija fil-familja.”

Stefania Calleja wriet ftit ideat ta’ riċetti bil-prodotti pprovduti. Home Economist in action mhux l-ewwel darba li qed taħdem id f’id ma’ Caritas Malta. “Illum huwa Il-Jum Internazzjonali tal-familja. L-Economists in Action nemmnu ħafna fis-sostenibbiltà. Din l-inizjattiva għalina hija opportunità biex inxerrdu dan it-tgħallim.” Ikkonkludiet tgħid li dawn ir-riċetti varji; snacks u ikliet ta’ nofsinhar u anki filgħaxija, huma maħsuba li wieħed jista’ jkollu iżżejjed u jiġi ppriservat kemm fi friġġ kif ukoll fi freezer.

Andrè Bonello spjega kif sar l-eżerċizzju: – “Morna personali fis-supermarkets u rajna l-prezzijiet li qed jonfqu n-nies. Bl-għajnuna ta’ dawn il-kaxxi, inkunu qed insostnu l-familji b’affarijiet essenzjali. Dawn l-istudji jsiru anke f’direzzjoni waħda ma’ Caritas Europa u Caritas Internationalis.”

Anthony Gatt esprima l-apprezzament għall-ġenerożità tal-poplu Malti u appella biex min m’għandux jgħix ma min għandu.

SOLIDARITY BOXES – EXPLANATORY NOTE ENG 28-05-2020 final SOLIDARITY BOXES – EXPLANATORY NOTE MALTI 28-05-2020 final