Stqarrija għall-media minn Caritas Malta, Aġenzija Sedqa, Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni għall-Psikjatrija f’Malta.
Dibattitu dwar il-cannabis għall-użu hekk imsejjaħ ‘rikreattiv’
L-organizzazzjonijiet hawn fuq imsemmija ninsabu fi qbil li:
1. Hemm bżonn iktar sensibilità lejn persuni li jużaw il-cannabis.
2. Il-liġi tal-2015 – Riabilitazzjoni u mhux Priġunerija – kienet liġi effettiva u pass ’il quddiem biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar għall-użu personali jiġu dekriminalizzati u depenalizzati.
3. Liġi dwar il-cannabis mediċinali kellha passi ’l quddiem peress li l-cannabis għandha propjetajiet mediċi u li meta jiġu użati abbażi ta’ riċerka, ikunu ta’ benefiċċju għall-pazjent.
4. Persuna li tuża l-cannabis jew sustanzi oħra, m’għandhiex tiċċappsilha l-kondotta jew tintbagħat il-ħabs.
5. Mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati
Fl-istess ħin ninsabu mħassba li l-użu tal-cannabis qed jiġi normalizzat u popolarizzat. L-użu tad-definizzjoni ‘cannabis rikreattiv’ jgħaddi u jikkonferma l-messaġġ lis-soċjetà li din is-sustanza għandha valur rikreattiv. Mill-esperjenza tat-tipjip u x-xorb nafu li meta droga ssir iktar popolari u anki legali hemm tendenza li s-sustanza tintuża iktar u l-effetti negattivi jinħassu iktar ukoll. Ma jfissirx li jekk iktar nies qed jużaw il-cannabis din ma tibqax xi ħaġa li m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwarha. Anzi bil-maqlub, għandna nistaqsu għalfejn din is-sustanza dieħla iktar fil-kultura tagħna.
Nixtiequ nwasslu l-vuċi ta’ inkwiet ta’ ħafna ġenituri li t-tfal tagħhom jiġġustifikaw l-użu tal-cannabis bħala mediċina jew għax “jużaha kulħadd”.
Nixtiequ nwasslu wkoll il-vuċi tar-riċerka li ħarġet riċentement u li rrepplikat studji li saru qabel, u tikkonferma li l-użu tal-cannabis fl-adolexxenti hu ta’ ħsara kbira fuq il-moħħ u jesponi lill-moħħ għar-riskji ta’ dipendenza fuq droga oħra.1
Nappellaw lill-persuni influwenti kollha u minn kull sfera biex filwaqt li jkomplu jgħinu fit-tnaqqis ta’ stigma għal persuna li jużaw is-sustanzi, jaraw li dejjem jasal il-messaġġ lit-tfal u l-adolexxenti tagħna li l-ebda droga ma fiha valur rikreattiv u li kull droga, inkluż il-cannabis, għandha l-perikli tagħha.
F’Malta hawn ħidma qawwija fil-qasam tal-prevenzjoni u riabilitazzjoni mid-droga kemm mill-awtoritajiet, mill-edukazzjoni, aġenziji tal-Gvern u anki għaqdiet volontarji. Naraw ħidma qawwija mill-forzi tal-ordni u kif ukoll mill-Ġudikatura. Nibqgħu nittamaw li l-liġijiet li jiġu proposti f’dan ir-rigward, isaħħu l-liġi tal-2015, biex jagħtu iktar ħabel lill-Ġudikatura biex l-ebda persuna li hi dipendenti fuq droga ma tispiċċa l-ħabs iżda tiġi megħjuna ssib stil ta’ ħajja mingħajr is-sustanzi.
Il-liġijiet iservu ta’ gwida u ta’ messaġġ għas-soċjetà biex din tiżviluppa b’mod sħiħ u ta’ benefiċċju għal kulħadd. Nibqgħu nittamaw li liġijiet li jiġu proposti ma jiftħux bibien jew twieqi biex persuna taċċessa d-droga b’mod legali, u li jiġu kunsidrati fil-fond il-konsegwenzi soċjali u l-iżvantaġġi li dan iġib fuq dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Fost dawn hemm adolexxenti; dawk b’dipendenzi jew f’riskju li jiżviluppaw dipendenza fuq il-cannabis u sustanzi oħra, dawk li bil-cannabis jiżviluppaw paranoia u psikożi, dawk li jiżviluppaw a-motivational sydrome (telf ta’ motivazzjoni fil-ħajja) u dawk li diġà għandhom diffikultajiet intellettwali.