Nhar id-9 ta’ Marzu 2019 kien l-ewwel anniversarju mit-telfa tal-maħbub Charles Miceli. Lejlet dan l-anniversarju, Caritas Malta flimkien mal-familja ta’ Charles u ħafna ħbieb tiegħu fakkru l-memorja b’quddiesa u riċeviment li sar wara. Il-Quddiesa saret taħt tinda barra d-dar tal-Aftercare għal persuni li ħarġu minn programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga u kienet ġiet imsemmija għalih – Dar Charles Miceli. L-idea għal din it-tifkira nibtet meta Dr Karmenu Mifsud Bonnici flimkien ma’ grupp ta’ ħbieb viċin ta’ Charles u Caritas resqu lejn xulxin b’din i-xewqa.
Attendew għal din l-okkażjoni bosta residenti li qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga minn diversi djar ta’ Caritas Malta kif ukoll residenti tal-Prison Inmates Programme ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, fejn Charles għamel żmien imexxi din id-dar waqt il-ħidma tiegħu ma’ Caritas.
Attendew membri tal-Emotions Annonymous Support Group li kien imwaqqaf minn Charles Miceli kif ukoll bosta ħbieb u kollaboraturi mill-Alleanza kontra l-Faqar fejn Charles kien attiv immens f’din l-entità. Kien preżenti wkoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Dar il-Hena Anthony Girard u membri oħrajn.
Fra Ġwann Xerri kkonċelebra l-quddiesa mgħejjun minn Fr Mark Montebello. Waqt il-quddiesa sar ‘sharing’ spontanju dwar memorji sbieħ ta’ Charles u dwar il-marka li ħalla fuq il-ħajja ta’ dawk li kienu preżenti.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, stqarr li kien Charles Miceli li madwar erba’ snin ilu kkonvinċieh japplika għar-rwol ta’ kordinatur tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni fi ħdan Caritas Malta. Anthony Gatt tkellem fuq l-imħabba bla kundizzjoni li Charles kellu għall-fqir, il-batut u l-imwarrab u l-kapaċità tiegħu li jidħol fiż-żarbun ta’ dak li qed jaqdi. Is-Sur Gatt irringrazzja lil min ta’ sehmu f’din it-tifkira u lil dawk preżenti inkluż il-ġirien ta’ Dar Charles Miceli li huma ta’ appoġġ għall-din id-dar. Irrringrazzja wkoll lil Casapinta Design Group li offrew it-tinda għal din l-okkażjoni.
Bosta semmew il-kapaċità ta’ Charles li jidħaq bih innifsu u jnissel tbissima bl-umoriżmu tiegħu anki f’mumenti diffiċli. Anġlu Fenech, is-Segretarju Amministrattiv ta’ Caritas Malta u l-eks Segretarju tal- General Workers Union, semma l-memorja ta’ Charles fil-Union Press u kif Charles telaq meta kien offrut opportunità ta’ Editur ta’ ġurnal ta’ kuljum, biex isegwi l-vokazzjoni tiegħu għall-bniedem fil-bżonn.
It-tifla tiegħu Vanessa, tkellmet fuq l-imħabba ta’ missierha għaliha u għall-familja u semmiet memorji ta’ logħob miegħu f’età iżgħar u kemm tiftakar li missierha kien akkanit biex jgħin.
Dwar l-attivita, Pauline Miceli l-mara ta’ Charles stqarret: “Ħassejtni mdawra b’familja kbira u sabiħa – minbarra l-familja ltqajt ma’ bosta nies li Charles kien f’xi żmien jew ieħor ħadem magħhom il-Caritas. Nies li kont sirt naf waqt il-ħidma tiegħu. Charles kien ħalla impatt fuq il-ħajja ta’ bosta minn dawk preżenti li rrakkontaw fil-qosor xi esperjenzi li qasmu magħna. Stajt niftakru jsemmihom tul is-snin u indunajt kif huma wkoll kienu ħallew il-marka tagħhom fuq Charles. Jekk xejn kienu għenuh ikompli jaħdem bla heda.” Kompliet tesprimi: “ Xtaqt kieku naqsam ftit mill-esperjenzi tiegħi, tal-50 sena li għexna flimkien jien u Charles. Iżda minn fejn se naqbad nibda? Ħassejtni kommossa niftakar f’avvenimenti ta’ ferħ jew niket li l-ħajja ġġib magħha u ma flaħt inlissen xejn. Għaldaqshekk jiddispjaċini li ma kontx kapaċi nagħti xejn lura f’dik l-okkażjoni ta’ tifkira. Mill-banda l-oħra hemmhekk, fid-Dar imsemmija għal Charles, ħassejt mhux biss komunjoni ma’ dawk miġbura iżda wkoll li jien u l-familja tiegħi nappartjenu mill-familja kbira u ġeneruża ta’ Caritas u kull min imur għall-wens u l-għajnuna. Id-Dar hija mhux biss monument ħaj għal Charles iżda hija wkoll darna. Kienet okkażjoni intima li ma ninsa qatt.”
Dar Charles Miċeli nfetħet uffiċjalment ftit wara t-telfa tiegħu u Caritas Malta ħasset li ma kienx hemm isem aħjar għal din id-dar. Charles kien jemmen u jisħaq kemm l-Aftercare hu essenzjali għall- persuna li ħierġa minn programm ta’ riabilitazzjoni jew mil-ħabs. Il-ħolma tiegħu ta’ ċentru apposta saret realtà mal-aħħar nifs tiegħu.