Dar Charles Miceli, servizz ta’ Aftercare għal persuni li qed jirkupraw mid-dipendenza fuq id-droga, qed tiċċelebra għeluq is-sena min mindu laqgħet l-ewwel klijenti.
Fl-isfond ta’ 50 sena Anniversarju ta’ Caritas Malta, saru diversi attivitajiet ċelebrattivi mill-klijenti u l-istaff li jagħmlu parti minn din id-dar.
Nhar it-Tnejn 4 ta’ Marzu, ġie mistieden il-Monsinjur Victor Grech li wara Dun Fortunato Mizzi, iddedika aktar minn 40 sena ta’ ħidma sħiħa fi ħdan Caritas Malta. Mons Grech iltaqa’ mal-grupp ta’ persuni li qed jibbenefikaw minn din id-dar u bħal dejjem sema’ l-persuni u tahom kelma ta’ faraġ.
Tkellem fuq kif wieħed irrid ifittex u jara s-sabiħ li hemm fih u li m’għandu jaqta’ qalbu qatt fil-vjaġġ tiegħu għall-fejqan. Mons Grech stqarr li Caritas Malta qed tkompli bis-sħiħ l-appoġġ għall-persuni fil-bżonn u ħeġġeġ biex min għandu bżonn jersaq għall-għajuna għandu jagħmel dan bla biża’ li jiġi ġġudikat.
Is-Sur Godwin Spiteri, wieħed mill-klijenti li għamel il-programm f’San Blas, għamel skultura fil-ġebel bix-xbieha ta’ Monsinjur Victor Grech u dakinhar tal-vista, b’sorpriża, inkixfet din l-opra tal-arti fil-preżenza tal-Monsinjur.
Monsinjur Victor Grech esprima b’emozzjoni “Sorpriza kbira! Qatt ma stennejtha! Inħossni kuntent li din l-arti ħarġet minn idejn persuna li sab ir-refuġju tiegħu fil-Caritas.” Kompla jesprimi kemm iħossu kburi b’talenti li jkunu ħarġu minn dan il-vjaġġ li persuni jkunu għamlu ma’ Caritas Malta.
Is-sur Spiteri żviluppa l-iskultura u talenti artistiċi tiegħu waqt ir-riabilitazzjoni f’San Blas u l-bust ta’ Monsinjur Victor Grech kien l-ewwel attentat ta’ portrait fil-ġebel. Kien ilu jaħdem fuq dan il-bust minn Novermbru tal-2018 fil-ħin liberu fid-Dar Charles Miceli stess.
Godwin esprima sodisfazzjon kbir fil-biċċa xogħol u wera l-apprezzament tiegħu għal min emmen fih.
Is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, esprima l-apprezzament għall-Monsinjur Victor Grech u għall-ħidma sfiqa u kontinwa tiegħu u għat-triq li witta fil-qasam tar-riabilitazzjoni mid-droga u fil-ħidma mal-fqir u l-emarġinat. Anthony Gatt irringrazzja l-awtoritajiet tal-appoġġ biex infetħet din id-dar u wkoll lill-Gvern tal-kontribut finanzjarju, lill- bosta benefatturi u lis-Sorijiet tal-Karità li offrew id-dar li tospità dan is-servizz. Anthony Gatt irringrazzja lill-Monsinjur Charles Cordina, id-delegat għall-ħidma soċjali fil-knisja, tal-appoġġ kontinwu tiegħu u lill-Head tad-dar Santina Camilleri u l-istaff u l-voluntiera kollha tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom. Irringrazzja wkoll lill-ġirien ta’ kemm laqgħu din il-missjoni u tal-kollaborazzjoni tagħhom.
Filwaqt li kkongratula lill-iskultur, ħeġġeġ lill-klijenti preżenti biex huma wkoll ikomplu jaqsmu t-talenti li għandhom, għall-ġid tagħhom u l-komunità kollha.