HelpAge, unit fi ħdan Caritas Malta, għandha ħafna għal qalbha d-dinjità tal-anzjani u fid-19, 20 u 21 ta’ Frar, xahar iddedikat għall-imħabba, organizzat tlett ijiem ta’ festa bit- tema – Love is Patient, Love is Kind, f’The Palace, Ta’ Sliema.
Għal din il-festa attendew madwar 400 anzjan minn diversi social clubs minn bosta parroċċi f’Malta.
L-attività kienet tinkludi quddies iċċelebrata minn Mons. Charles Cordina, buffet breakfast u mużika ppreparata u mwassla minn Anna Faniello. F’dawn it-tlett ijiem ta’ festa, l-anzjani ħadu sehem billi kantaw u żifnu.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, spjega kif f’attivitajiet bħal dawn, mhux bilfors nirrikorru għal-logħbiet bħal bingo biex persuna tieħu gost, imma permezz tal-mużika l-anzjan ikun inkorraġġut ikanta u jiżfen. B’hekk l-anzjan ikun parteċipant attiv u mhux spettatur passiv. Il-mużika tista tkun ta’ terapija u tgħin ħafna biex tnaqqas id-dipressjoni u l ansjetà, tagħti wkoll sens ta’ motivazzjoni u tnaqqas l-uġigħ f’mard kroniku.
Il-Kordinatriċi tal-HelpAge Unit Ann Rose spjegat li huwa importanti li l-anzjani nimmotivawhom jipparteċipaw biex is-sodisfazzjon tagħhom ikun akbar, għax il-parteċipazzjoni tagħti sens, ta’ ‘achievement’, iħossuhom li għad għandhom x’jagħtu u jbatu anqas minn iżolazzjoni soċjali.
Il-HelpAge Unit tikkordina l-ħidma tas-Social Clubs għall-anzjani fil-paroċċi u kull social club hu mmexxi mill-anzjani stess. Dawn l-anzjani jirċievu formazzjoni kull xahar minn Caritas Malta.
‘Soċjetà li ma tivvalutax lill-anzjani tiċħad l-għeruq tagħha u xxekkel il-futur’. Nelson Mandela.