Nhar il-Ħamis 14 ta’ Frar 2019, saret ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati ta’ Health and Safety Level 1 lil 7 parteċipanti li qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mill-abbuż tad-droga fil-Prison Inmates Programme ta’ Caritas Malta f’Baħar iċ-Ċagħaq. Dan il-kors jingħata mid-diviżjoni tal-Life Long Learning fi ħdan id-dipartiment tal-edukazzjoni. Għaċ-ċerimonja attendew id-Direttur ta’ Caritas Malta is-Sur Anthony Gatt flimkien mal-Head tad-dar is-Sur Bernard Schembri, id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kurunell Alex Dalli, il-Kordinaturi tal-Life Long Learning Angela Jones, Karl Mifsud, u l-Għalliem is-Sur Loreto Dalli.
Saru diversi arranġamenti mill-istess dipartiment biex tkun aktar faċli għar- residenti biex jattendu u jkunu jistgħu joqogħdu għall-eżamijiet. Dawn dejjem isiru fl- istess residenza tal-Prison Inmates Programme ta’ Caritas Malta f’Baħar iċ-Ċagħaq. L- invigilators dejjem ġew ipprovduti mid-dipartiment tal-edukazzjoni fuq bażi volontarja. Din hi il-ħames sena li fiha pparteċipaw residenti ta’ din id-dar. In-numru ta’ ċertifikati mogħtija lir-residenti s’issa f’dan is-suġġett huwa ta’ 52. F’din is-sena akkademika l-kors qed jingħata wkoll lir-residenti fil-programm residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga f’San Blas u lill-klijenti f’Dar Charles Miceli li hu ċentru ta’ Aftercare. Is-Sur Anthony Gatt, Direttur Caritas Malta, irringrazzja lil Dr Alex Farrugia Direttur tal-Life Long Learning u t-tim tiegħu ta’ din il-kollaborazzjoni u lis-Sur Loreto Dalli l-għalliem ta’ dan il-kors għall-impenn tiegħu f’dawn l-aħħar ħames snin biex jara li kemm jista’ jkun kull parteċipant iwassal sal-eżami biex b’hekk ir-resident ikollu għodda oħra li tista’ tgħinu fil-ħajja lura fis-soċjetà. Finalment irringrazzja lill-Kurunell Alex Dalli tal-preżenza u l-koperazzjoni tiegħu.