Tender CM/001/26 for the Supply and Installation of Furniturefor a residential block in Naxxar
January 26, 2026
Jitfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Monsinjur Victor Grech
February 2, 2026Bis-Sapport ta’ Sports Malta u bil-kollaborazzjoni ta’ St Patrick’s Athletic Club
Waqt konferenza stampa Caritas Malta wasslet informazzjoni dwar ir-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, li daħlet fil-kalendarju ta’ Caritas bħala attività fiżika preventiva annwali.
Ir-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run For life, se ssir fit-1 ta’ Marzu 2026 – ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas Ħaż-Żebbuġ u lura.
10 Km race – 5 Km race – 5Km mixja u 1Km race għal tfal bejn 6 u 9 snin u 2.5km race għal tfal bejn l-10 u t-12-il sena u t-13 u l-15-il sena.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt irringrazzja lil dawk il-ħafna li qed jagħtu sapport għar-raba’ edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, peress li hija attività li tinkludi ħafna loġistika u preparamenti. “Għalkemm din l-attività hija element ta’ fundraising, hija wkoll attività li tippromwovi l-ħajja sana. Din il-ġirja tinkorraġġixxi lill-pubbliku, għandu kemm għandu età, biex jipparteċipa u jieħu sodisfazzjon. Minbarra n-natural high ta’ attività bħal din, id-donazzjoni ta’ dawk li qed jipparteċipaw tmur sħiħa favur is-servizzi ta’ Caritas Malta peress li l-ispejjeż qed jinfdew mill-isponsors. Ma ninsa qatt żewġ esperjenzi sbieħ, persuna ‘l fuq minn 40 sena li qaltli qatt ma għamlet attività fiżika u ħadet sehem l-ewwel darba f’Caritas Run for Life u minn dak iż-żmien baqgħet tiġri u tipparteċipa f’attivitajiet fiżiċi. Persuna oħra, resident fi programm ta’ riabilitazzjoni qalet li s-sodisfazzjon li kellu opportunità jkun voluntier u jgħin kien high naturali li qatt ma esperjenza bħalu qabel,” dan qalu Anthony Gatt filwaqt li qal li Caritas Run For life qed tattira iktar parteċipanti minn sena għal oħra, din ma tkunx possibbli mingħajr is-sapport ta’ Sportmalta li jagħtu sapport kontinwu, lil St Patrick’s Athletic Club kollaboraturi fil-loġistika, My Convenience and My Supermarket flimkien ma’ The Sandra Calleja Foundation bħala l-main sponsors għas-sapport li Caritas dejjem sabet, GO & Fun isotonic sport drink, Athletics Malta, Eurosport, GS Health and Safety, Malta Public Transport, Malta Police Force, LESA, lill-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ, St John Ambulance and Rescue, Comtec Services Ltd, Agius Watches, Coros, General Soft Drinks, MITA, AMSM, Miller Distributors Ltd, Techprint, Audio Rentals Malta, Envi Innovations, Casapinta, Emergency Malta (private medical services), Smart Technologies, Copyserv u Pierre Cordina u lil ħafna oħrajn li mingħajrhom din l-attività ma tkunx possibbli.
Is-Sur Mark Cutajar, Chairman ta’ Sportmalta, faħħar ix-xogħol li tagħmel Caritas Malta u esprima li huwa obbligu li Sportmalta tkun parti ta’ kull sena f’din il-missjoni. “Permezz ta’ din l-attività qed immexxu nazzjon għall-iktar saħħa u inklużjoni. Caritas u Sportmalta nkomplu ngħaqqdu bicca minn din il-puzzle biex inressqu iktar nies lejn l-attività fiżika. Meta għamilna l-awards night, Caritas Malta kienet minn tal-bidu li ħadet award,
imma ’l bogħod mill-unuri u l-midalji hemm dan l-iskop tant tajjeb… m’hemmx għalfejn tkun xi atleta biex tieħu sehem, għax permezz tal-mixja, anki fl-ambjent rurali li ssir fih, wieħed ikun jista’ jserraħ il-menti u jieħu gost. F’din il-missjoni nressqu lit-tfal, żgħażagħ u anzjani u nħeġġu l-attività fiżika.” Temm jgħid is-Sur Cutajar filwaqt li ħeġġeġ biex il-pubbliku jirreġistra fl-attività, festa ta’ sport, komunità u solidarjetà.
Is-Sur Ray Spiteri President tas-St Patrick’s Athletic Club qal li l-klabb iħossu onorat li għal darb’oħra se jerġgħu jagħtu l-assitenza lil Caritas Malta. “Tajjeb ngħid li Caritas Run For Life llum tifforma parti mill-programm ta’ Athletics Malta, fejn fil-kalendarju nsibu kważi attività fil-ġimgħa, imma din l-attività tiġbed mijiet ta’ persuni għal diversi raġunijiet fosthom is-solidarjetà ma’ Caritas għall-ħidma tagħha fis-soċjetà u wkoll li hemm tiġrijiet diversi waħda ta’ 10km, oħra ta’ 5km għall-adulti kif ukoll ġirjiet għat-tfal ta’ kilometru u 2.5km. Għal dawk il-persuni li forsi għadhom mhux fil-livell li jiġru, Caritas taħseb għalihom u ssir mixja ta’ 5km. Ir-rotta hija waħda unika, f’ambjent rurali u mingħajr traffiku; bit-tluq minn ħdejn il-Komunità Terapewtika ta’ San Blas u lura. Kategoriji fl-etajiet differenti jistgħu jirbħu trofew għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post, ukoll trophies u vouchers għal kumpaniji, club jew skejjel li jġibu l-iktar parteċipanti. Ma jonqosx il-goodie bag li jinkludi diversi affarijiet fosthom t’shirt u wkoll midalja kommemorattiva.” Dan spjegah is-Sur Spiteri filwaqt li ħeġġeġ anki lil dawk li qatt ma ħadu sehem f’attivitajiet bħal dawn għax anki permezz tal-mixja taf tkun il-bidu ta’ sensiela ta’ attivitajiet fiżiċi fil-ħajja tagħhom.
Is-Sur Andrew Attard l-Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ MY Convenience and My Supermarket u The Sandra Calleja Foundation, spjega li mill-bidu nett id-diretturi emmnu f’din l-attività u l-ħafna sabiħ li ġġib magħha. “MY Convenience and MY Supermarket nemmnu ħafna li nkunu wara Caritas, id-droga hija tant aċċessiva iktar minn qatt qabel, allura rridu ninvestu aktar fin-nies permezz ta’ attivitajiet fiżiċi u nieħdu gost li naraw in-numru ta’ parteċipanti dejjem jikber. Illum anki permezz tat-twaqqif tal-Fondazzjoni The Sandra Calleja Foundation se nkunu nistgħu nilħqu aktar NGOs u nkunu dejjem ta’ sostenn f’attivitajiet bħal dawn. ” Temm jgħid is-Sur Attard filwaqt li ħeġġeġ ukoll biex iktar persuni jersqu viċin attivitajiet fiżiċi.
Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandu l-bżonn ta’ opportunitajiet fejn wieħed jesperjenza s-sabiħ li tgħix u tgħix il-ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu.
Wieħed jista’ japplika permezz tal-link : https://caritasmalta.org/product/caritas-run-for-life-2026/


