35 Sena ta’ SFIDI U SUĊĊESSI!

Diskors ta’ merħba mid-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni mill-programm ta’ riabilitazzjoni f’San Blas – 2024

35 Sena ta’ SFIDI U SUĊĊESSI!

Il-Ġimgħa l-oħra kellna quddies ta’ ringrazzjament, mal-gradwati u l-familji tagħhom. Tlabt permess nirrakkonta storja li nqassmet magħna f’din il-quddies. Missier li kellu t-tifel San Blas, ’il fuq minn sena ilu, ittajjar minn karozza viċin id-dar waqt li t-tifel tiegħu qed jagħmel il-programm; kellna ngħidu lit-tifel li l-missier qiegħed f’qagħda ħażina ħafna. Il-missier irrakkonta kif fuq is-sodda tal-mewt, “bdejt nara xeni ta’ ommi u missieri li mietu qabel, imma dawl abjad kif jaraw nies oħra f’dak l-istat, ma rajtx … illum naf għalfejn ma rajtx dawl abjad … dawl abjad ma rajtx għax dak id-dawl kien fuq ibni!”. It-tifel tiegħu qasam li meta ħa l-aħbar li missieru kien fuq is-sodda tal-mewt kien dak il-mument meta ddeċieda ta’ vera, li jħalli t-triq tad-droga warajh! Għall-grazzja tal-ħanin Alla llum qegħdin magħna t-tnejn.

Din hi waħda fost eluf ta’ stejjer ta’ sfidi u suċċessi li l-Komunità Terapewtika ta’ San Blas kienet xhud għalihom għal dawn l-aħħar 35 sena.

Mons. Victor Grech għallimna kif ngħixu l-isfidi … “F’kull waqgħa hemm iż-żerriegħa ta’ Qawmien ġdid”. Għallimna ma nħarsux lejn diffikultà bħala problema li tagħfġek imma bħala sfida u opportunità li tegħlibha”. Ħafna drabi trid l-umiltà li titlob u taċċetta l-għajnuna ta’ din il-Komunità Terapewtika. Komunità li timxi miegħek il-vjaġġ; li tibki miegħek u tiċċelebra miegħek.

Ilejla għandna ħafna għalxiex niċċelebraw:

· Il-Ħajja u l-familji ta’ dawn il-gradwati

· Il-55 resident li bħalissa qed isegwu wieħed mill-programmi residenzjali u qrabathom

· Il-Klijenti l-oħrajn kollha li qegħdin f’xi parti mill-vjaġġ u qed jieħdu servizz mhux residenzjali.

Niċċelebraw li qegħdin flimkien wara dawn ir-residenti u l-familji tagħhom … La int qiegħed f’dan il-grawnd sinjal li għamilt xi ħaga biex dawn il-gradwati u residenti waslu s’hawn. Għandek tħossok mimli kuraġġ biex dak li qed tagħmel tkompli tagħmlu!

SUĊĊESSI

Bis-saħħa tiegħek Caritas fis-sena 2023:

· Rat 808 persuna li ħabbtet il-bieb tagħna minħabba d-droga:

o minn dawn 257 kellhom admission fi programm residenzjali u

o 51 ħadu servizz minn tal-Ibwar

· Rat 515 qarib ta’ dawn il-persuni

· Rat 686 fis-Servizzi Ta’ Counselling u Social Work Ġeneriċi

· Daħlet fit-23 Skola u rat 3382 tifel u tifla

· Daħlet f’19 il-kumpanija u wasslet għand 451 impjegat

· B’Kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u The Alfred Mizzi Foundation is-sena l-oħra:

o 402 użaw xelter ta’ emerġenza – Dar Papa Franġisku u Dar Maria Dolores u 19 użaw REACH programme (second stage shelter)

o 1028 persuna vulnerabbli ħadu servizz ta’ ikel bla ħlas minn Dar Papa Franġisku

In-numri ma jagħmlux ġustizzja għall-istorja ta’ kull wieħed u waħda minnhom imma jagħtu xejra tal-wesgħa tas-servizzi.

Għandna tassew niċċelebraw il-firxa ta’ dawn is-servizzi ta’ Caritas flimkien ma’ kullana ta’ servizzi oħra governattivi u volontarji.

Dan kollu possibbli għax hemm kollaborazzjoni qawwija permezz ta’ Caritas bejn il-Knisja u l-Istat. Mal-Ministeru tal-Familja għandna żewġ agreements li jiffinanzzjaw il-biċċa l-kbira tal-operat tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni tal-adulti; agreement li jagħti finanzjament sħiħ tal-Ibwar. Mal-Ministeru tal-Intern għandna ftehim għall-finanzjament tal-Prison Inmates Programme. Għal dan nirringrazzja lill-Ministru Michael Falzon u lill-Ministru Byron Camilleri għall-kollaborazzjoni li nsibu. Imbagħad għandna numru kbir ta’ benefatturi individwali u kumpanji li jagħtu donazzjonijiet kontinwi u naraw anke il-ġenerozità tal-pubbliku biex isostni l-operat li mhux kopert mill-finanzjament tal-Gvern u anke l-ispejjeż kbar kapitali biex nieħdu ħsieb il-binjiet.

U xi ngħidu għall-kollaborazzjoni ta’ kuljum ma’ kollegi viċin tagħna. Nagħti eżempju – it-tobba minn Sedqa u l-psikjatri minn Mount Carmel li jibqgħu jagħtu servizz lir-residenti tagħna anke meta jidħlu l-programm – dan iwassal għall-kontinwità fil-kura. Ħafna suċċess ta’ residenti fil-Prison Inmates Programme li b’kollaborazjoni sħiħa mal-Correction Services Agency jingħataw il-prison leave biex jagħmlu l-programm u kif ilestuh jimxu għall-Fondazzjoni Rise jew anke fid-dar ġdida ta’ Mid-dlam għad-Dawl. U meta jlestu s-sentenza tagħhom f’dawn il-programmi jerġgħu jsibu lil Dar Charles Miceli tilqagħhom għall-Aftercare. Residenti tal-Ibwar li minħabba kriżi jew oħra jkollhom bżonn jiġu rikoverati l-isptar Mount Carmel jew lura l-CORRS, insibu ħafna understanding u flessibbiltà. Il-Qrati li qed jaraw li persuna idealment huwa ħafna aħjar ssir pressjoni fuqu biex jirriabbilita ruħu milli jintbagħat il-ħabs. Il-Kollaborazzjoni ma’ Sport Malta fi programmi u attivitajiet għar-residenti.

Insemmi wkoll l-ispalla mill-Isqfijiet tagħna u l-Amministrazzjoni tal-Kurja li dejjem lesti għal widen u appoġġ kull meta nistaqsu għalih.

U kollaborazzjoni ta’ proġetti ġodda – Din is-sena beda l-bini tal-Caritas St Peter’s Storage Facility b’kollaborazzjoni ma’ Fondazzjoni San Pietru u wasal biex jibda l-bini ta’ appartamenti fin-Naxxar wara li ngħatat dar b’donazzjoni lil Caritas minn persuna privata biex isir proġett ta’ Supported Housing. Sibna wkoll bieb miftuħ tal-Housing Authortiy u anke daħħalna applikazzjoni għall-Fondi Ewropej bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej Malta biex dan il-proġett jilqa’ nisa, nisa bit-tfal u zgħażagħ wara li jkunu ġew fuq saqajhom biex għal zmien temporanju jkunu jistgħu jgħixu hemm sakemm ikunu f’pożizzjoni jsibu l-indipendenza tagħhom.

Tant nies ta’ rieda tajba. Meta naħdmu id f’id nagħmlu l-mirakli.

Issa se naqleb il-folja għal 3 sfidi li għandna quddiemna:

1. Ħaddiema fis-settur soċjali u fondi

Sfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur soċjali. Naf li din hi sfida Nazzjonali u ma tolqotx is-settur soċjali biss. Tajjeb immens li riċentament komplew jittjiebu sew is-salarji tal-ħaddiema soċjali fl-FSWS bħala aġenzija tal-Gvern. Suċċess għall-professjonijiet u biex inħeġġu min jidħol fihom. Madankollu din qed toħloq sfida kbira lil NGOs li ma jkollhomx biżżejjed fondi biex jippruvaw ilaħħqu mas-salarji offruti mill-aġenziji tal-Gvern. Dan il-gap qed ikompli jikber. Il-volontarjat jagħmel l-almu tiegħu kollu għal ġbir ta’ fondi, imma mingħajr żidiet adekwati u relattivi fil-fondi tal-Gvern hemm periklu serju li jintilfu l-professjonijisti mill-NGOs b’riżultat li ma nkunux nistgħu nkomplu noffru s-servizz li hemm bżonn.

Lil hinn mill-fondi għas-servizzi nirrikjedu fondi biex naraw li d-djar tagħna huma miżmuma bl-aħjar mod li jagħti dinjità. Fl-aħħar snin għamilna refurbishment qawwi fil-main block ta’ San Blas u l-Male Shelter. Daħħalna wkoll airconditioners fid-Dorms tad-djar residenzjali kollha fil-kuntest ta’ temperaturi għoljin li nesperjenzaw fis-sjuf. Issa għandna quddiemna sfida kbira; Refurbishment mill-qiegħ tal-Kitchen Block ta’ San Blas; il-Prison Inmates Programme u Female Programme – Hemm spiża ta’ miljun u nofs ewro li minnhom ġbarna 200,000. Jonqos miljun u 300,000 ewro.

2. Kultura tal-Ħaxixa u l-Kokaina

Bla dubju kulħadd qed jistennieni nsemmi l-imbierka ħaxixa. Jiena droga qatt ma ħadt f’ħajti… ma jfissirx li jien xi qaddis… kulħadd jaf li nħobb ħafna l-pastizzi, u anke l-figolli u l-pasta frolli… u xi naqra workoholic… imma issa se nammetti li minn Diċembru 2019 bdejt induq il-ħaxixa – meta mmur niġri Għar id-Dud, jew meta mmur il-baħar, qed tiġri iktar spiss li jidħol fi mnifsejja duħħan tal-ħaxixa… Hemm min forsi jgħid li dan biex se jdaħħaq:

Però qed naraw realtà tal-biki li ħafna minnha għandha x’taqsam man- nuqqas ta’ infurzar tal-liġi. Il-Liġi tgħid li ma jistax isir tipjip tal-Kannabis fil-pubbliku jew quddiem it-tfal u ma jistax ikollok iktar minn 4 pjanti d-dar. Spiss iċemplu ġenituri u neighbours inkwetati – “x’se nagħmel? Ta’ taħti bi tfal u l-ħin kollu jpejjep il-ħaxixa”, għalliema jsaqsuna jekk il-ħaxixa għadhiex perikoluża; għal mal-istudenti jħossu li fuq dan is-suġġett – walk over. X’jagħmel għalliem meta student jgħidlu “imma issa mhux legali? Jien missieri jpejjep u għandu l-pjanti”. Konna ngħidu li l-liġi se tagħti messaġġ ħażin, li se jkollna problemi ta’ enforcement, li żgħażagħ f’riskju se jgħaġġlu l-proċess għall-kokaina, li l-Kannabis se tkompli tiġi xejn mhu xejn… li se jiżdiedu l-admissions fl-isptar Mount Carmel u Mater Dei… Kien hemm min qalilna qed inbeżżgħu bil-babaw. Nemmnu li l-proċess riċenti tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis għat-twaqqif ta’ social clubs sar b’serjetà imma tinkwetak li fil-kampanja tal-istess Awtorità li tinforma lill-pubbliku dwar il-liġi u fejn tista’ tikkonsma l-Kannabis ma jidhirx indikat li din is-sustanza għandek iżżomm ’il bogħod minnha. Nafu x’ġara bis-sigaretti u sfortunatament se nerġgħu nduru d-dawra bil-Kannabis. Dak li hu kanċer għat-tabakk, hu ta’ problemi mentali għall Kannabis. U issa ilna minn Ottubru tal-2023, flimkien ma’ kollegi tal-OASI u anke mill-Università nimbuttaw biex jitwaqqaf il-bejgħ ta’prodotti ta’ Kannabis sintetika magħruf bħala HHC milli jinbiegħu fil-grocers u corner shops u stationers. U issa isbaħ! Anki minn websites Maltin tixtri Gummy MDMA u Gummy speed! Kollega xtrahom u bagħathom il-laboratorju u oħroġ il-għaġeb hemm traċċi tal-MDMA (Ecstacy), Ketamina u Anfetamina! Dan mument fejn naraw id-dlam. Nemmnu li soluzzjoni hemm jekk ikun hemm rieda ta’ infurzar veru.

Is-sitwazzjoni tal-Kokaina hi tassew gravi. Hawn nies qed jistagħnaw minn fuq dar il-vittmi u dawk dipendenti. Residenti jgħiduli – “id-dealer li kont nixtri mingħandu, meta rani ġejt addict beda joffrieli li nibda nbigħ il-coke – 5 pakketti b’50 ewro l-wieħed. Minn kull ħamsa li nbigħ, waħda mill-50 ewro għalija”; ieħor qalilna; “meta tkun dipendenti tagħmel kollox għall-flus, lili talbuni nkun courier tad-droga għall-flus”… “dħalt f’periklu kbir għax qabduni b’ammont kbir u blajt tilja ħabs”. “Jien qatt mhu se nitkellem kif kienu għandi għax nibża’ li jweġġgħu lili u l-familja tiegħi”. Hawn persuni li mhux addicts, imma qed jiġru b’karozzi lussużi, iqassmu dal-valenu filwaqt li jgħixu ‘l-ħajja’ u jirkbu fuq dahar l-addict.

Is-sena l-oħra kompla jiżdied il-persentaġġ ta’ nies li ġew għall-għajnuna minħabba l-kokaina u l-crack cocaine: 56% ta’ total ta’ 808 klijenti li rajna. U kienet l-ewwel darba li ġew iktar nies għall-għajnuna minħabba l-ħaxixa (21% tal-klijenti) milli għall-eroina (17% tal-klijenti). Din xi ħaġa li qatt ma konna rajnieha f’dawn is-snin kollha.

Kijenti kollha li ġew għall-għajnuna ta’ Caritas minħabba s-sustanzi skont droga primarja.

 

3. Saħħa Mentali u Servizzi tas-Saħħa Mentali

Kif digà għidt għandna kollaborazzjoni qawwija mas-servizzi tas-saħħa mentali u ngħinu lil xulxin kontinwament. Hemm persentaġġ ogħli ta’ nies li jfittxu l-kenn ta’ Mount Carmel li għandhom problema ta’ droga. Dawn jistgħu jkunu fi kriżi li jixtiequ jieqfu u ma jistgħux u jitolbu li jidħlu l-isptar bħala refuġju f’emerġenza. Dawn ġieli jispiċċaw jeħlu hemm għal xhur sakemm isir pjan biex jidħlu fi programm. Hemm grupp ieħor ta’ persuni li ma jkunux għadhom lesti jidħlu programm u jispiċċaw deħlin u ħerġin Mount Carmel minn kriżi għal oħra u jfittxu lil Mount Carmel iktar bħala homeless shelter. Hemm gap għal residenza low threshold għal dawn il-persuni biex ma jispiċċawx barra t-triq u jkunu ta’ periklu għalihom u għal ta’ madwarhom.

Il-Messaġġ tal-Jum Dinji kontra L-abbuż u traffikar kien – Irridu ninvestu fil-prevenzjoni. Soluzzjonijiet biex negħlbu dawn l-isfidi jeżistu – fosthom insaħħu s-settur tal-volontarjat; nippromwovu l-kwalità f’kull ma nagħmlu f’dan il-pajjiż, inkomplu ninvestu fl-isport u l-kultura; nippromwovu ħajja sana; nieħdu ħsieb l-ambjent, naraw li min m’għandux jgħix ma’ min għandu, indaħħlu sens ta’ ordni, ħniena u ġustizzja fejn m’hemmx u fuq kollox nagħtu prijorità lill-familja.

Ejja nkunu the best version of ourselves, għal uliedna u għal ta’ madwarna.

Hemm ditta tgħid Just do it! MaryAnne tas-Shelter tgħid Rise and Shine u Miguel li jħobb jiġri jgħid Let’s Go!